Muscat għandu jwarrab lil Ian Borg sakemm jinqata’ l-każ - PN

Il-PN jgħid li Ian Borg m'għandux jibqa' fil-kariga sakemm jinqata' l-każ

Stqarrija tal-PN qalet li l-Prim Ministru m’għandux il-kuraġġ politiku li jagħmel dak li hu sewwa, u jwarrab lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg sakemm jinqata’ l-każ tiegħu quddiem il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.
 
L-istqarrija tkompli tgħid li L-Ombudsman diġa’ kkonkluda li l-permess ta’ bini li nħareġ lil Borg ma kellu qatt joħroġ u li Borg ħadu 'b'ingann'. Dan diġa’ huwa biżżejjed biex Ian Borg jerfa’ r-responsabbiltà u jwarrab. Iżda, żgur li għall-anqas għandu jwarrab sakemm il-każ jinqata’ mill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.
 
"Dan hu ċar u sens komun għal kulħadd, bħalma hu car għal kulħadd li Michael Falzon ukoll għandu jwarrab minħabba l-iskandlu Gaffarena. Iżda dak li hu ċar għal kulħadd mhux ċar għal Muscat. Jeħtieg li l-pajjiż ma jibqax għaddej f'ġirja sfrenata lejn il-qiegħ iżda jerġa’ jaqbad ir-rotta lejn il-quċċata mill-aktar fis." ittemm l-istqarrija tal-PN
 

More in Politika