Ir-rata taż-żieda fil-paga medja taqbeż ir-rata tal-inflazzjoni fl-2024

Fl-2024 il-paga medja f’Malta żdiedet b’€1,517 filwaqt li dik t’Għawdex żdiedet b’€1,420

Jidher li fl-2024 ir-rata taż-żieda fid-dħul tan-nies laħqet, u saħansitra għaddiet, ir-rata tat-tkabbir tal-inflazzjoni, skont informazzjoni li ħarġet fil-Parlament. Dil-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana. 

Fil-mistoqsija, Said staqsa lill-Ministru biex “jgħid kemm kienet il-paga medja f’Malta f’għeluq is-sena 2021, 2022, 2023 u 2024 u kemm kienet il-paga medja għal dawk li jaħdmu f’Għawdex f’għeluq is-sena 2021, 2022, 2023 u 2024?” 

Mit-tweġiba ta’ Caruana ħarġet li l-paga medja fl-2024 f’Malta kienet ta’ €23,611 filwaqt li dik f’Għawdex kienet ta’ €20,557. 

Dawn in-numri jirrappreżentaw żieda annwali ta’ ’l fuq minn €1,000 meta mqabblin mal-figuri tas-sena l-oħra. Fil-fatt, is-salarju medju ta’ Malta fl-2023 kien ta’ €22,094 filwaqt li dak t’Għawdex kien ta’ €19,137. 

Dan ifisser li l-paga medja f’Malta żdiedet b’€1,517, jew b’6.42%, filwaqt li dik t’Għawdex żdiedet b’€1,420, jew b’6.90%. 

Iżda l-figuri li ta Caruana ma jurux l-istampa kompluta ta’ kif sejra l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż f’termini ta’ kemm qed jaqilgħu flus in-nies. 

Fil-fatt il-Ministru qal li “l-figuri jinkludu kemm impjegati li jaħdmu full-time u anke part-time jew full-time with reduced hours” iżda “din l-informazzjoni mhix disponibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom.” 

Barra minn hekk, qal ukoll li dawn “il-figuri jkopru biss l-impjieg prinċipali tal-impjegat [u] ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances.” 

Fi kliem ieħor, it-total tad-dħul tan-nies jaf huwa ogħla mhux ħażin miċ-ċifri li ta l-Ministru fit-tweġiba tiegħu. 

Is-salarju medju kontra r-rata tal-inflazzjoni 

Meta mqabbla mar-rata tal-inflazzjoni, jidher li r-rata taż-żieda fil-pagi laħqet u anka qabżet ir-rata ta’ kemm qed jogħlew il-prodotti. 

Minn informazzjoni meħuda minn mistoqsija parlamentari oħra magħmula lill-istess Ministru mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u l-Intrapriża, jidher li r-rata tal-inflazzjoni bejn l-2023 u l-2024 kienet ta’ 1.65%. 

Dan ifisser li ż-żidiet attwali fil-pagi f’Malta u f’Għawdex kienu ta’ +5.13% u +5.68% rispettivament. 

Fl-istess ħin, dak ifisser li meta taġġusta għall-inflazzjoni, il-pagi attwali għal Malta u Għawdex jammontaw għal €20,822 u €18,129 rispettivament. 

More in Politika