Minkejja Ministeru 'mnaqqar' Refalo jibqa’ l-aktar popolari f’Għawdex

Il-Ministru għall-Għawdex Anton Refalo
Il-Ministru għall-Għawdex Anton Refalo

Minkejja li l-Ministeru ta’ Għawdex tnaqqsulu l-poteri, minn stħarriġ li qed jidher illum fil-gazzetta-oħt tal-ILLUM, MaltaToday jirriżulta li Anton Refalo jibqa’ l-aktar politiku Għawdxi popolari bħalissa fost il-kandidati kollha miż-żewġ partiti, u l-aktar politiku u kandidat popolari fost dawk li s’issa ppreżenta l-Partit Laburista. 

Fil-fatt l-istħarriġ li sar fost votanti Għawdxin biss juri kif Anton Refalo għandu l-appoġġ ta’ 6.8% ta’ dawk li qalu kif jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni issa. Iktar minn hekk iżda, dan il-perċentwal ifisser li Anton Refalo huwa l-aktar politiku popolari fost il-votanti Laburisti b’21.6% jgħidu li kieku kellha ssir elezzjoni llum, jivvutaw lilu. 

 It-tieni l-aktar kandidat popolari f’Għawdex huwa Chris Said, li jikseb l-appoġġ ta’ 4.3% minn dawk li qalu kif jivvutaw u huwa l-aktar kandidat popolari fost in-Nazzjonalisti, b’24.6%. 

It-tielet l-aktar kandidata popolari Għawdxija hija s-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabbiltà u anzjanità attiva Justyne Caruana, li għandha l-appoġġ ta’ 1.5% tal-votanti Għawdxin. Interessanti huwa li dan l-istħarriġ juri kif Caruana għandha wkoll l-appoġġ minn 1.6% tal-votanti Għawdxin li huma votanti Nazzjonalisti. 

Franco Mercieca l-eks Segreatarju Parlamentari għas-Saħħa għandu l-appoġġ ta’ 1% biss ta’ dawk li qalu kif jivvutaw kieku ssir elezzjoni għada, u Clint Camilleri għandu l-appoġġ ta’ 0.8%. Dawn jirrapreżentaw 3.2% u 2.4% tal-votanti Laburisti. 

Minkejja dawn il-figuri, il-maġġoranza assoluta, jiġifieri 84%, ma tawx tweġiba meta mistoqsijin lil liema kandidat jivvutaw kieku ssir elezzjoni għada. 

More in Politika