‘Qatt ma ġejna kkonsultati'

Lino Briguglio dwar it-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Eċċelenza għall-Istati Żgħar’

Waqt il-ftuħ tal-laqgħat taċ-CHOGM, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar li Malta se sservi bħala ċentru ta’ eċċelenza għall-pajjiżi żgħar fi ħdan il-Commonwealth. Huwa spjega li l-irwol ta’ dan iċ-ċentru se jkun li jipprovdi assistenza fl-iżvilupp ta’ pajjiżi gżejjer u pajjiżi żgħar. Malta tat kontribut inizzjali ta’ €100,000 għal dan il-għan.  

 

Id-Direttur tal-Istitut tal-Gżejjer u l-Istati Żghar fi ħdan l-Università ta’ Malta, il-Professur Lino Briguglio qal li filwaqt li jifraħ lill-Gvern  għall-inizjattiva importanti li jwaqqaf  iċ-Ċentru ta’ Eċċelenza għall-Pajjiżi ż-Żgħar, esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li hu ma ġiex ikkonsultat dwar it-twaqqif ta' dan iċ-Ċentru.   

 

“L-Istitut li nidderigi jien igawdi minn reputazzjoni dinjija fuq materji li jolqtu l-istati żgħar, imma għal dak li tħabbar mill-Prim Ministru, aħna ma ġejniex ikkonsultati,” spjega l-Professur Briguglio.   

 

Huwa spjega wkoll li l-Istitut ilu jorganizza numru ta’ workshops internazzjonali f’kollaborazzjoni mas-Segretarjat tal-Commonwealth u l-Gvern Malti. Iżda jidher li meta tela’ l-Gvern Laburista, ġie deċiż biex din il-kollaborazzjoni tonqos.

 

Saħaq li Malta għandha l-potenzjal li tieħu pożizzjoni ta’ leadership f’dawk li huma l-interessi tal-istati żgħar membri tal-Unjoni Ewropea li minnhom hemm sebgħa, b'popolazzjoni ta' 3 miljun persuna jew anqas.

 

Barra minn hekk, Malta tista’ tkun portavoċe għall-istati żgħar li qed jiżviluppaw u li huma membri tal-grupp ACP, jigifieri stati żgħar fl-Afrika, fil-Karibew u fl-Oċean Paċifiku, li jirċievu għajnuna mill-UE. Bħala membru tal-UE, Malta għandha tieħu sehem ferm akbar milli qed tieħu issa biex l-UE tgħin lil dawn il-pajjiżi żgħar tal-ACP. Dan ikun ta’ prestiġju diplomatiku kbir għal Malta għax hemm xi ħamsa u tletin stati minn dawn, li flimkien għandhom vuċi qawwija mhux ħażin fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

 

Il-Professur Briguglio qal li Malta ma tantx ħadet interess meta l-Unjoni Ewropea kienet qed tħejji n-negozjati għall-konferenza tal-SIDS (Small Islands Developing States) li saret f’Samoa fl-2014.  

 

Il-Prim Ministru kien spjega li Malta se tkun qed tmexxi dan iċ-Ċentru ta’ Eċċelenza.  Għadu mhux magħruf jekk hux se jkun hemm xi sistema ta’ rotazzjoni u jekk kull pajjiż irid jagħti xi kontribut finanzjarju. 

 

 

 

 

More in Politika