Minkejja il-kritika kontinwa tal-PN fir-rigward tal-proġetti bi sħab mal-privat fil-qasam tas-saħħa, l-Professur Albert Fenech, Membru Parlamentari f'isem l-istess PN se jkun qed jiftaħ Sptar privat fl-Isptar San Luqa li se jkun mmexxi minn VitalisGroup Healthcare. Dan il-konsorzju kien magħżul mill-Gvern biex jesegwixxi u wara jmexxi l-proġett multi-miljunarju mibdi minn Gvern Laburista u li għandu jara s-sit tal-Isptar San Luqa jindibel fi Sptar ta' rijabilitazzjoni wara snin ta' telqa.
Skont il-gazzetta tal-PN stess, In-Nazzjon, dan l-Isptar għandu jkollu "dipartiment mill-aqwa tal-kardjoloġija u kardjo-kirurġija. Fenech kien ikkwotat jgħid hekk dwar Vitalis: "Dawn fdaw ix-xogħol kollu meħtieġ f'idejja u jiena qed nirsisti biex inwaqqfu dan l-isptar bl-aqwa mod possibbli." Fenech qal illi l-investiment pjanat huwa wieħed qawwi ħafna u se jkun qed jimmira klijenti Amrikani, fost oħrajn.
Il-Professur Fenech kien spiċċa f'nofs kontroversja hekk kif kien mwaqqaf għal kollox milli jkompli jwettaq operazzjonijiet tal-qalb fl-Isptar Ġenerali Mater Dei. Mal-ILLUM huwa kien indika li dan kien kollu riżuktat ta' pika politika.
Intant il-Partit Laburista fi stqarrija qal illi wara li "Simon Busuttil u Claudette Buttigieg xebgħu jikkritikaw il-proġett ġdid bejn Gvern u privat li permezz tiegħu se jiġi rranġat l-isptar San Luqa u jinbena sptar ġdid f’Għawdex, u jgħidu li qegħdin jinżammu fid-dlam dwaru, issa jirriżulta li d-Deputat Nazzjonalista Albert Fenech huwa involut direttament f’dan il-proġett."
Il-PL fakkar kif dan l-isptar huwa parti mill-proġett ta’ St. Luke’s u ta’ Għawdex u "se jsir mill-konsorzju li rebaħ dan il-kuntratt u li tant huwa kkritikat minn Simon Busuttil u Claudette Buttigieg." L-istqarrija tkompli tgħid li fil-fatt l-Professur Albert Fenech huwa impjegat ta’ dan il-konsorzju.
Il-Partit Laburista jaqbel mal-Professur Fenech li ġie kkwotat jgħid li l-proġett il-ġdid li se jkun parti minnu se jkun mill-aqwa u se jkollu l-aqwa tagħmir u expertise."Dan huwa ċertifikat ieħor għall-politika tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa li diġa’ wasslet biex ġiet ikkontrollata l-problema tal-mediċini out of stock, tnaqqsu l-listi ta’ stennija u qed isir titjib fis-servizz ta’ emerġenza, fost l-oħrajn." temm jgħid il-PL.