Minn Jannar ta’ din is-sena daħlu fis-seħħ żewġ miżuri li jikkonċernaw il-membri tal-forzi dixxiplinati. Dawn il-miżuri, imħabbra fil-baġit li għadda, jgħidu li l-Forzi Armati u l-Pulizija se jibdew jibbenefikaw minn żieda fil-pakkett finanzjarju tagħhom.L-allowance ta’ €279.50 li kienu jirċievu s-suldati b’rank ta’ maġġur u inqas, issa telgħet għal €627.
Barra minn hekk, dawk is-suldati li għandhom xi sengħa se jitħallsu bl-ogħla rata għax-xogħol tal-idejn. Bejn 300 u 400 suldat se jibbenefikaw minn din iż-żieda.Il-pulizija li kienu jiġu intaxxati b’rata għolja ta’ madwar 25% għall-extra duty, issa se jiġu intaxxati b’rata ta’ madwar 15%. B’hekk dawn il-pulizija se jiffrankaw madwar €390 taxxa kull sena. Bħalissa hemm aktar minn 420 membru tal-korp li huma rreġistrati sabiex jagħmlu dan ix- xogħol.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li dawn il-miżuri huma parti minn sensiela ta’ inizjattivi li għandhom joħolqu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-korpi dixxiplinati, kif ukoll iservu ta’ rikonoxximent għall-ħidma siewja tagħhom. Matul din is-sena se jitkompla l-programm ta’ immodernizzar, b’aktar investiment fir-riżorsi umani u t-tagħmir tal-korpi.Il-Ministru Abela jinsab determinat li jkun hemm aktar koperazzjoni mal-partijiet konċernati, għal aktar ħidma fl-interess tal-membri tal-forzi dixxiplinati.