Investiment ta' €1 biljun mill-UE fuq żvilupp soċjali u ekonomiku
L-investiment tal-UE se jkun qed jiffoka fuq żvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġuni madwar il-fruntieri esterni tagħha
More in Politika
L-investiment tal-UE se jkun qed jiffoka fuq żvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġuni madwar il-fruntieri esterni tagħha
Il-Kummissjoni Ewropea adottat serje ta' programmi ta' koperazzjoni transfruntieri li jammontaw għal EUR1 biljun, li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri esterni tal-UE.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati tat-Tkabbir Johannes Hahn qal: "Il-kooperazzjoni transfruntiera għandha rwol kruċjali biex wieħed jevita l-ħolqien ta' linji diviżorji ġodda. Dan il-finanzjament il-ġdid se jikkontribwixxi ulterjorment għal żvilupp reġjonali aktar integrat u sostenibbli fir-reġjuni ġirien ta' mal-fruntiera u għal kooperazzjoni territorjali aktar armonjuża mal-fruntieri esterni tal-UE"
Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Crețu qalet, “Ninsab sodisfatta ħafna li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jista’ jikkontribwixxi biex iressaq lill-UE u l-ġirien tagħha eqreb lejn xulxin. Il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntieri huma eżempji konkreti kif l-UE qed taħdem biex tgħin liċ-ċittadini jindirizzaw sfidi komuni, biex b’hekk joħolqu sens veru ta’ solidarjetà, filwaqt li jagħtu spinta lill-kompetittività tal-ekonomiji lokali.”
Din it-tip ta' kooperazzjoni transfruntiera hija element importanti fil-politika tal-UE lejn il-ġirien tagħha. Se tipprijoritizza proġetti li jsostnu l-iżvilupp sostenibbli mal-fruntieri esterni tal-UE, biex b'hekk jitnaqqsu d-differenzi fil-livelli tal-għajxien u jiġu indirizzati l-isfidi komuni madwar dawn il-fruntieri. Għal kull wieħed minn dawn il-programmi, il-pajjiżi parteċipanti għażlu sa erba' prijoritajiet, bħall-iżvilupp tal-SMEs, il-kultura, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni u r-riċerka, l-enerġija, l-aċċessibilità u l-ġestjoni tal-fruntieri.
Il-pakkett il-ġdid se jiffinanzja proġetti f'27 pajjiż: L-Armenja, il-Ġorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u r-Russja fil-lvant; l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Palestina, it-Tuneżija; l-Istati Membri tal-UE (il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugal, ir-Rumanija, l-Iżvezja) kif ukoll in-Norveġja u t-Turkija. Il-finanzjament jaqa' taħt il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (SEV). Il-ftehimiet ta' finanzjament se jiġu ffinalizzati bejn il-pajjiżi sħab u l-UE sa tmiem l-2016. L-għotjiet se jiġu kkonsenjati permezz ta' sejħiet għal proposti li mistennija jiġu mnedija matul l-2016 jew kmieni fl-2017.