Metsola: Muscat għandu jgħaddi mir-reċti għall-fatti
Ifakkru kif fl-2010 Muscat kien qal li l-ebda politiku li jirrispetta lilu nnifsu ma jista' jagħlaq għajnejh quddiem il-konklużjonijiet tal-AG
minn Albert Gauci Cunningham
Meta Joseph Muscat kien Kap tal-Oppożizzjoni, hu kien wiegħed hekk: “Ebda pajjiż, poplu, jew politiku li jirrispetta lilu nnifsu ma jista’ jagħlaq għajnejh quddiem il-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali. Min jieħu d-deċiżjonijiet, irid jerfa’ r-responsabbilta’ politika” (27 ta’ April 2010). Issa, li hu Prim Ministru, Muscat should walk the talk, u mir-reċti jgħaddi għall-fatti. Issa hu jrid jerfa’ responsabbilita’ politika ta’ dak li qed jagħmel hu u ta’ dawk li qed jagħmlu dawk li għażel hu bħala Ministri u Segretarji Parlamentari.
Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola waqt konferenza tal-aħbarijiet li trattat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li tressaq quddiem il-Parlament ix-xahar li għadda. Hi sostniet li minbarra l-wegħda b’rabta mal-Awditur Ġenerali, Joseph Muscat wiegħed affarijiet oħra, fosthom li se jkun l-aktar Gvern li juża fondi pubbliċi bl-aħjar mod, li jkun l-aktar Gvern trasparenti, accountable u li jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ dak li jagħmel.
Hi qalet li fl-investigazzjoni għas-sena 2014 mifruxa fuq rapport ta’ aktar minn 300 paġna, l-Awditur Ġenerali sab nuqqasijiet kbar fil-konfront tal-Gvern immexxi minn Joseph Muscat. Dan hu Gvern li hu nieqes mis-serjeta’, Gvern li uża l-flus li jiġbor mit-taxxi tan-nies b’mod ħażin, meta dawn għandhom jintużaw b’għaqal, bl-aħjar mod, partikolarment għal dawk li għandhom l-aktar bżonn. Roberta Metsola qalet li mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Gvern joħorġu nuqqasijiet kbar fosthom: Nuqqas ta’ tmexxija serja u għaqlija, nuqqas ta’ trasparenza, abbuż fin-nefqa tal-Gvern, tmexxija ħażina, ħati li ma jħarisx u ma jimxix mar-regoli tas-servizz pubbliku b’mod partikolari l-ingaġġ ta’ impjegati u x-xiri ta’ servizzi u prodotti mill-Gvern, ħati ta’ abbuż ta’ poter
Minn naħa tagħha, x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli tkellmet dwar diversi punti u nuqqasijiet li rrefera għalihom l-Awditur Ġenerali u li għalihom hu responsabbli l-Ministru Konrad Mizzi. L-aktar punt sinifikanti huwa dak ta’ kuntratt b’direct order li l-Ministru Konrad Mizzi ta lil avukat b’rabta ta’ €156 fis-siegħa għal total ta’ €260,494 f’sena waħda biss (l-2014). Dan ifisser li r-rata li qabel magħha l-Gvern hi 40 darba dik ta’ min hu bil-minimum wage. Hi sostniet li dan id-direct order ma messu qatt ingħata għax il-limitu skont il-Public Procurement Regulations għal Direct Orders, hu dak ta’ €120,000, filwaqt li dan il-każ huwa aktar mid-doppju. Hi semmiet li kien hemm ċirkustanza oħra fejn ingħatat direct order għal servizzi legali li kienet ta’ bejn €235 u €900 fis-siegħa. Marthese Portelli spjegat kif fiż-żewġ każijiet, l-Awditur Ġenerali ċanfar lill-Gvern talli kiser il-Public Procurement Regulations.
Ix-Shadow Minister tal-Enerġija rreferiet għal ċirkustanza oħra li hi inaċċettabbli u li wkoll irrimarka l-Awditur Ġenerali dwarha – fl-ispiża tal-kuntrattur li ħadem fuq konferenza li ġiet organizzata f’Lulju 2014. Il-quote tax-xogħol ta’ dan il-kuntrattur kienet ta’ ftit aktar minn €3,000, iżda l-ħlas totali li sar kien dak ta’ €12,200, jiġifieri żieda ta’ kważi €10,000. Marthese Portelli spjegat kif il-pagamenti addizzjonali telgħu għat-triplu ta’ dak li kien ġie kkwotat oriġinarjament.
Hi rreferiet ukoll għal ħames vjaġġi ‘l barra mill-Ewropa, tnejn minnhom lejn iċ-Ċina, li swew lit-taxpayer Malti €29,000. Dwar dawn, l-Awditur Ġenerali jirrimarka li ma hemm l-ebda informazzjoni dwarhom, tant li f’żewġ każijiet, lanqas biss ingħatat raġuni ta’ dan is-safar, kif titlob ċirkolari numru 5/2012 – Travel on Official Duty, li tesiġi li tal-anqas għandu jkun hemm agenda li tispjega r-raġuni tas-safra u kif tali safra se ssarraf f’benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi.
Dan minbarra proposti oħra dwar l-użu ta’ flus il-poplu u tal-proprjeta’ pubblika, li fost l-oħrajn, bl-iswed fuq l-abjad, qed jingħad li Gvern Nazzjonalista ġdid, minbarra li jirrevedi l-proċeduri għall-kuntratti pubblċi biex tiġi żgurata ekonomija akbar, effiċjenza, effettivita’ u osservanza tar-regoli fl-użu ta’ fondi pubbliċi (proposta numru 57), jagħti aktar saħħa lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fl-investigazzjoni tiegħu dwar l-użu tal-fondi pubbliċi.