Mizzi: Importanti li l-konsumaturi jkunu mħarsa fl-ambjent diġitali
minn Albert Gauci Cunningham
L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tissalvagwardja aħjar id-drittijiet tal-konsumaturi u n-negozji ż-żgħar meta jixtru jew aktar meta jespandu l-bejgħ tagħhom online fil-proposti godda tal-Kummissjoni li jkopru oqsma tal-copyright, portabilità tas-servizzi tal-internet u r-regoli fuq kuntratti diġitali.
Fid-9 ta' Diċembru, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti bħala parti mill-istrateġija tagħha għas-suq uniku diġitali biex tindirizza l-ostakli ewlenin għall-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE. Il-proposti għandhom l-għan li jegħlbu l-frammentazzjoni legali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur li tirriżulta fi spejjeż għolja għan-negozji - speċjalment ghal SMEs- u kif ukoll il-fiducja baxxa tal-konsumatur meta jixtru onlajn minn pajjiż ieħor.
Waqt l-ewwel skambju ta' ideat mas-Sinjura Věra Jourová, il-Kummissarju responsabbli għall-Ġustizzja - Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil- kumitat tas-suq intern fil-Parlament Ewropew, is-Sinjura Mizzi qalet, "Kollox ma' kollox, il-pakkett pprezentat mil-Kummissjoni huwa pass sinifikanti 'l quddiem, iżda għad baqa' ħafna xi jsir. L-E-commerce qed jikber b'veloċità rapida, imma l-potenzjal sħiħ tiegħu għadu mhux sfruttat kemm minn-negozji kif ukoll mill-konsumaturi. Għandna bżonn ta' qafas legali xieraq għall-era diġitali biex tipproteġi l-konsumaturi billi ma naggravawx u lanqas ma nzidu regoli għall-SMEs. "
MPE Mizzi tinsab mħassba li l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni jittrattaw ix-xiri offline u online b’mod differenti. "It-titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur kemm għall-prodotti diġitali kif ukoll ghal dawk tanġibbli huwa importanti għall-kummerċ elettroniku li qieghed ikompli jikber. Inkwetata li l-approċċ tal-Kummissjoni li wiehed jittratta x-xiri offline u dak online b'mod differenti se jwassal għal aktar konfużjoni u kumplessità hekk kif ser tirdoppja regoli Ewropej u nazzjonali fl-istess oqsma u anki billi jitbaxxew l-istandards għall-konsumatur. "
L-MEP Mizzi kkritikat ukoll il-fatt li l-proposta fuq il-kontenut diġitali tibqa' siekta meta niġu għad-dritt ta' rtirar. "Meta inti tħallas għal xiri ta' film jew kanzunetta online, din ghandha tahdem immedjatament, imma jekk dan ma jkunx il-każ, inti għandek tkun kapaċi tikseb flusek lura. Il-proposta tal-Kummissjoni mhix ċara fuq kemm ħin il-konsumatur għandu sabiex jirtira xiri online jew meta il-kontenut jiġi definit bħala kkunsmat ecc ". L-MEP Mizzi talbet lill-Kummissjoni biex tiċċara dawn il-mistoqsijiet essenzjali fil-proposti ġodda.
Matul l-istess sessjoni, Marlene Mizzi, flimkien mal-Professur Mario Monti, eks Kummissarju u Ex Prim Ministru Taljan, iddiskutiet l-istrateġija l-ġdida tas-Suq Uniku proposta reċentement mill-Kummissjoni fejn l-MEP Mizzi kienet maħtura bħala l-kelliema ghal Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S & D).
L-Ewroparlamentari Mizzi tenniet li l-Istrateġija ma tindirizzax b'mod adegwat id-dimensjonijiet soċjali tas-Suq Uniku. "Il-kunflitt li qed jikber bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi u l-iżvilupp tal-kompetizzjoni nġusta ma jistax jiġi injorat, daqskemm ma tistax tiġi injorata d-dimensjoni socjali tas-suq. Fis-sitwazzjoni ostili attwali fl-Ewropa, hemm bżonn, b'mod kritiku, ekonomija soċjali kompetittiva tas-suq li taħdem għaċ-ċittadini u mhux bil-kontra".