‘Wara tliet snin, dan il-Gvern gwapp daqs ta’ qablu’

44.7% tal-qarrejja jaħsbu li l-kontroversji politiċi tal-2015 ħallew impatt negattiv fuq Muscat

 

Għalkemm il-maġġoranza tal-qarrejja tas-sit illum.com.mt iħossu li l-allegazzjonijiet u skandli politiċi li ħarġu matul l-2015 ma ħallewx effett konsiderevoli fuq l-immaġini ta’ Joseph Muscat, 44.7% ma qablux ma dan. B’kollox, 752 qarrej tal-illum.com.mt, jew 52.2% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ, iħossu li l-kontroversji politiċi ma ħallewx impatt politiku kbir fuq Muscat filwaqt li 644 mill-qarrejja jħossu li fil-fatt, dan kien il-każ.

Is-sit irċieva numru konsiderevoli ta’ kummenti dwar dan l-istħarriġ bl-opinjoni hawnhekk ukoll tkun maqsuma. Fost dawn il-kummenti, kien hemm wieħed ta’ Donald Spiteri li saħaq kif, “qabel Marzu 2013 konna xbajna mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi meta dan ma neħħiex ċerti Ministri. Malta kienet mwiegħda stil ġdid ta’ gvernar, bi trasparenza. Sfortunatament għalina, wara biss tliet snin, jirriżulta li dan il-Gvern gwapp daqs ta’ qablu.” Immedjata kienet ir-risposta ta’ qarrej ieħor tal-ILLUM, Joseph Zammit, li staqsa lil Spiteri biex jgħidlu jekk Gonzi qattx ġiegħel lil wieħed mill-Ministri tiegħu jirreżenja, “bħalma għamel Muscat ma’ Manwel Mallia.”

Bosta oħrajn ma kinux tal-istess opinjoni, fost dawn Albert Spiteri li sostna li dak li qed jagħmel il-PN bħalissa huwa, “assasinju tal-karattru” u Miriam Falzon li qalet li l-PN huma professuri f’li ma jħallu ebda traċċa tal-iskandli li jkunu wettqu. Saviour Cachia qal li m’għandux dubju li kieku l-iskandli, “li qed itambru dwarhom in-Nazzjonalisti jkunu verifikati Joseph Muscat, mhux se joqgħod b’idu fuq żaqqu,” filwaqt li Henry Cassar jistaqsi kif ladarba l-barranin u fl-UE kulħadd jaf x’qed jiġri Malta, għalfejn minflok tmaqdir, dan il-pajjiż qed jaqla tifħir biss.

Kienu bosta l-qarrejja li semmew fatturi oħrajn li jmorru lil hinn mill-governanza u qalu li ladarba pajjiż sejjer tajjeb u l-Gvern qed iżomm il-wegħdi tiegħu, fosthom tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, mela allura l-immaġini ta’ Muscat mhux se tkun affetwata daqstant.

L-2015 kienet sena li matulha, minkejja tkabbir ekonomiku qawwi li esperjenza pajjiżna u baġit pożittiv, Gvern Laburista kellu jiffaċċja bosta diffikultajiet u mumenti imbarazzanti.

Dawn id-diffikultajiet kienu ġejjin l-aktar minn sensiela ta’ kwistjonijet li servew ta’ imbarazzament għall-Gvern. Fost dawn kien hemm il-kwistjoni tal-Cafè Premier u l-allegazzjonijiet li jduru mal-kwistjoni ta’ Gaffarena u l-proprjetà fi Triq Zekka. Mingħajr dubju, din tal-aħħar tappnet l-imaġini ta’ Muscat għax tat l-impressjoni li bejn Gvern u ieħor m’hemmx differenza u poġġiet lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon f’pożizzjoni politika skomda ħafna. Fl-istess ħin li l-Gvern spiċċa daħal f’dawn il-kontroversji, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet dokument dwar il-governanza.

More in Politika