Fenech jitfa għall-bejgħ l-karrozza li akkwista b'inqas minn €2,000 għal €8,000

L-avviż jitneħħa mill-internet wara li jsir magħruf l-akkwist li għamel Fenech

Skont il-gazzetta tal-partit laburista il-Kulħadd, L-eks Ministru tal-Finanzi, Tonio Fenech, irid ibigħ għal kważi €8,000 l-karozza li tliet snin ilu xtara b'inqas minn €2,000. Il-karozza hija Honda CRV tal-2004 u oriġinarjament inxtrat mill-Ministeru tal-Finanzi għal €25,000. Dan biex Tonio Fenech jużaha bħala t-tieni karozza tiegħu.

Jumejn qabel spiċċa minn Ministru, il-karozza Tonio Fenech għamilha tiegħu billi ħallas tagħha €1,908 biss. Dan hu prezz li Fenech iddefenda. Iżda llum nistgħu niżvelaw li sa ftit tal-jiem ilu l-eks Ministru kien qed jitlob €7,800 għal din il-karozza.

Fil-fatt sa nhar it-Tlieta, dakinhar li ħarġet l-aħbar dwar l-aħħar kontroversja tal-eks ministru, il-karozza kienet qiegħda fuq maltapark, sit fejn wieħed ibigħ l-oġġetti tiegħu.

Taħt l-isem tal-bejjiegħ CFEN (il-kont ta' maltapark ta' mart l-eks Ministru li jisimha Claudine Fenech) kien hemm ir-ritratt tal-karozza, bin-number plate jikkonferma li l-vettura hija l-istess waħda li xtara lejliet l-elezzjoni.

 

 

More in Politika