Fil-parlament illum mistenni jitressaq ir-rapport tal-awditur dwar l-esproprijazzjoni ta' proprjeta' fi Triq Zekka. L-eżitu tar-rapport mistenni jiddetermina l-futur tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li kien f'nofs il-kontroversja kollha hekk kif huwa responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet u minħabba safra għal-kaċċa li kien għamel mal-istess Gaffarena ftit snin ilu.
Il-każ kollu jdur ma' proprjeta li Gaffarena sar proprjetarju tagħha lura fl-2007. Hu xtara 25% mill-bini u nefaq €23,294 b'kollox. F'Jannar 2015 il-Gvern esproprija din il-parti tal-bini għal €822,500 fi flus u artijiet. Xahar wara xtara 25% oħra tal-istess bini għall-prezz ta' €139,762 biex f'April, jew xahrejn wara, il-Gvern esproprija l-istess parti tal-bini għal €822,500 fi flus u artijiet.
Apparti dan l-artijiet b'kumpens jidher li għażilhom hu, fosthom dik f'Tas Sliema fi Triq manwel Dimech fejn issa seta jibni garaxxijiet u apprtamenti.
Michael Falzon dejjem ċaħad illi hu għamel xi ħaġa ħażina u sfida diversi drabi lill-PN biex jgħid li hu korrott, xi ħaġa li l-Oppożizzjoni qatt m'għamlet. Fil-każ issemma wkoll persuna li taħdem fil-Lands bil-laqam "il-King tal-Lands" u li kien, allegatament, iltaqa' ma' Gaffarena dwar il-każ kollu.
Il-ġġurnal Maltatoday tal-25 ta' Ottubru kienet żvelat kif Gaffarena kien ngħata kumpens li kien valutat b'30% iktar mill-limitu legali.