'Importanti li nesponu lit-tfal għal kulturi differenti' - Marlene Mizzi
More in Politika
L-idea tal-MEP Laburista Marlene Mizzi li tippromwovi żjarat tal-iskejjel skond l-età f’Pajjiżi Membri differenti kif ukoll il-mobbilità trans-nazzjonali ta’ tfal żgħar kienet milqugħa mill-Parlament Ewropew f’rapport ivvutat din il-ġimgħa mill-Membri tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Sa mill-bidu nett ta’ xogħolha, l-MEP Mizzi ilha tippromwovi l-mobbilità tat-tfal f’diversi rapporti u opinjonijiet, inkluż ukoll fl-emendi ta’ introduzzjoni tal-Budget Ewropew sabiex jiġu allokati fondi għal proġett pilota fil-futur. L-idea tal-MEP Mizzi hija li jintlaħaq il-potenzjal tat-tfal billi jiġu esposti għal kulturi, lingwi, tradizzjonijiet u valuri Ewropej permezz ta’ kuntatt dirett u esperjenza first-hand ma’ dawn il-prinċipji. Dan huwa proġett li huwa maħsub li jkun simili għall-programm ta’ suċċess Erasmus imma li jinvolvi età iktar bikrija.
L-emendi tal-MEP Mizzi jissuġġerixxu bdil fil-kurrikula skolastiċi fl-Istati Membri li permezz tiegħu it-tfal ikunu ġew esposti għal kulturi u pajjiżi oħrajn minn ta’ l-inqas darba matul is-snin skolastiċi tagħhom. “Din hija opportunita’ edukattiva li għandha tkun offruta lil kull tifel u tifla, biex b’hekk tingħata wkoll lil tfal li minħabba raġunijiet ekonomiċi u soċjali ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn edukazzjoni simili. Dan huwa mportanti daqs l-edukazzjoni tradizzjonali” qalet Marlene Mizzi.
Fid-diskors tagħha fil-Parlament Ewropew, l-MEP Mizzi qalet: “Nixtieq nifraħ lir-rapporteur talli laqa’ l-idea tiegħi dwar il-mobbilità tat-tfal. Jekk nesponu t-tfal għal kulturi oħrajn inkunu qed ngħinuhom jiksbu ħiliet bażiċi għall-ħajja u kompetenzi li huma bżonnjużi għall-iżvilupp personali tagħhom, għax-xogħol futur tagħhom, kif ukoll għal ċittadinanza attiva fl-UE.”
“Hemm bżonn li l-edukazzjoni ċivika tibda f’età żgħira, lil hinn mis-suġġetti tradizzjonali tal-klassi u l-akkademja. Iż-żjarat f’pajjiżi oħra huma mmirati biex jiftħu l-imħuħ tat-tfal għall-potenzjal tad-dinja ta’ madwarhom – dinja li forsi semgħu biha imma li qatt ma ħolmu li jżuruha – u biex jistimulaw fihom għatx għat-tagħlim, biex jistudjaw u jirnexxu – u dan hu fejn jinsab is-suċċess ta’ dan il-proġett.”
“Programmi ta’ mobbilità trans-nazzjonali irawwmu sens ta’ appartenenza komuni u rispett għad-diversita’ kulturali u għall-valuri Ewropej fil-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Huwa mportanti li ġenerazzjonijiet fil-ġejjieni jkunu membri responsabbli tas-soċjetà, b’moħħ miftuħ u li jirrispettaw id-diversita’ ta’ kulturi, lingwi u storja differenti tal-Ewropa” ikkummentat l-MEP Mizzi ftit wara l-vot.
“Investiment fit-tfal tagħna huwa nvestiment fil-futur ta’ pajjiżna. Jien biħsiebni nibqa’ naħdem fuq dan il-punt sabiex nara din il-ħolma ssir realtà” qalet Marlene Mizzi.