L-ispiża tal-Gvern fuq il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-Budget 2016 kienet i- nofs tal-ispiża li għamel Gvern Nazzjonalista fuq l-aħħar baġit tiegħu, jiġifieri dak li m'għaddhiex mill-Parlament, hekk kif Gvern Nazzjonalista ffaċċja vot ta' sfiduċja.
Dan it-tagħrif ħareġ minn tweġiba mogħtija fil-Parlament mill Prim Ministru Joseph Muscat għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli. L-ispiża fuq il-baġit għal din is-sena kienet ta’ €200,560 u tkopri spejjeż marbuta ma’ filming, editing, dwal, sound, produzzjoni ta’avviżi informattivi fuq gazzetti, televiżjoni, radju u online, konferenzi tal-aħbarijiet u loġistika kollha relatata.
Din l-ispiża kienet €19,440 jew 9% inqas mill-ispiża fuq il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-Baġit għas-sena 2015. Fit-tweġiba tiegħu l-Prim Ministru ta' anki lista ta kumpaniji u persuni li wettqu x xogħol u intqal li dan ix-xogħol ingħata skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern, wara li intalbu kwotazzjonijiet. Fil-Parlament il Prim Ministru qal li l-ispiża fuq il-Baġit 2016 kienet €184,762 jew 48% inqas minn kemm kienet l-ispiza marbuta mal-kampanja għall-Baġit 2013, l-aħħar wieħed tal-Gvern Nazzjonalista. Joseph Muscat fakkar lil Clyde Puli li l-ispiża fuq il-kampanja għall-ahhar baġit tal-Gvern li kien jagħmel parti minnu, u li kien magħruf minn qabel li ma kienx se jiġi approvat mill-Parlament, kienet ta’ €385,322. Mit tagħrif mogħti mill Prim Ministru jirriżulta li l-approvazzjoni għall-ħlas ta’ din l-ispiża ingħatat mill-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien, Tonio Fenech, lejliet id-data tal-aħħar elezzjoni ġenerali.