PL: 'Il-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu'

L-AD tilqa' r-riżenja b'mod pożittiv iżda tgħid li din seħħet sitt xhur tard

Il-PM Muscat meta iktar kmieni ħabbar ir-riżenja ta' Michael Falzon
Il-PM Muscat meta iktar kmieni ħabbar ir-riżenja ta' Michael Falzon

Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jibqa’ negattiv u  jitkellem biss, il-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu, għax bil-fatti qiegħed jagħti Gvern ġdid, Gvern differenti ferm minn ta’ qablu. Hekk sostna il-Partit Laburista fi stqarrija maħruġa dwar l-iżviluppi tal-lejla

"Simon Busuttil ma jemminx lanqas lil kliemu stess, mhux biss għax eks-Ministri li ħadem magħhom spalla ma’ spalla fil-Kabinett Nazzjonalista kienu involuti fi skandlu wieħed wara l-ieħor waqt li kienu fil-Gvern, iżda affaċċjat b’każijiet issa, dejjem ħarab mir-responabbilità tiegħu" kompliet tgħid l-istqarrija.

"Wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar Gaffarena, mhux biss intrefgħet ir-responsabbilità" sostna l-PL iżda anke se jitwettqu riformi kbar fid-Dipartiment tal-Artijiet, riformi li ilhom bżonnjużi s-snin.

Dan huwa Gvern li ma jaħrabx milli jwieġeb, dan huwa Prim Ministru li jiddeċiedi, ħaddieħor jikser kliemu stess u jibqa’ jkun negattiv."

Intant Carmel Cacopardo f'isem l-Alternattiva Demokratika qal li r-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari kien pass korrett imma sitt xhur tard. "Michael Falzon imissu irriżenja f’Lulju li għadda wara li ġie ipprezentat ir-rapport tal-Internal Audit and Investigations Department (IAID). Dakinhar bħala riżultat ta’ dan ir-rapport kien irriżenja id-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tal-Propjeta' tal-Gvern bl-iskuża ta’ raġunijiet personali."

Cacopardo ikkonkluda li huwa tajjeb li l-Prim Ministru ħabbar riformi fil-mod kif għandha tkun amministrata l-art propjeta' pubblika għax tal-inqas b’hekk hemm ċans li minn dan il-każ il-pajjiż jibbenefika billi jkunu introdotti proċeduri li jħarsu l-interess pubbliku.

 

More in Politika