Joseph Muscat għażel li nhar il-Ħadd li ġej, ftit jiem biss wara r-riżenja ta' Michael Falzon, jagħmel id-diskors tiegħu fil-Gżira li tinsab fil-qalba tal-10 distrett elettorali illi minnu joħroġ bħala kandidat laburista Michael Falzon.
Persuni qrib il-Partit Laburista li tkellmu mal-illum.com.mt fissru l-għażla tal-Gżira bħala sinifikattiva u qalulna li l-għażla tal-lokalita' tindika li Muscat irid juri li minkejja t-telfa ta' Falzon mill-Kabinett il-partit xorta irid iżomm is-saħħa minoritarja li għandu hawnhekk. Dawk li tkellmu magħna qalu wkoll li Muscat irid jaċċerta lill-attivisti li se jinġabru fl-Orpheum tal-Gżira li l-partit jixtieq jibqa' qrib il-partitarji laburisti ta' din il-lokalita' u l-oħrajn li jiffurmaw l-10 distrett, li jinkludi lil Tas-Sliema fejn Falzon huwa mdaħħal sew f'attivitajiet relatati mal-festa ta' Stella Maris.
Michael Falzon kien tela' fil-Parlament wara li l-aktar kandidat li ġab voti għall-partit Laburista fid-disa' u fl-10 distrett, jiġifieri Manwel Mallia, ċeda t-tieni siġġu li rebaħ.
Fl-2013 Falzon kien ġab 1,892 vot fl-ewwel għadd fid-disa' distrett u 2,004 voti mill-10 Distrett. Fl-2008 Falzon kien ġab 2,853 vot mill-10 Distrett.