Marlene Farrugia tiddefendi lil Falzon
magħha jingħaqad Musumeci li jgħid li l-poplu ddispjaċih li tilef lil Falzon
minn John Busuttil
L-eks Deputata Laburista Marlene Farrugia ħarġet tiddefendi lill-eks Segretraju Parlamentari Michael Falzon ftit jiem biss wara li dan irreżenja. Minkejja l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar kif Gaffarena kien jaf minn qabel dwar l-espropriju tal-proprjetà fi Triq Zekka u kif l-istess Falzon permezz tal-firma tiegħu, kien iffaċilita l-istess esproprijazzjoni, Farrugia saħqet mal-ILLUM li Falzon huwa, “l-vittma ta’ sistema msewsa u mdewda fid-dipartiment tal-artijiet li ilha ġejja minn snin ilu.”
Fuq din il-linja ta’ ħsieb tkellem ukoll il-konsulent tal-Prim Ministru dwar l-ippjanar, Robert Musumeci li skont dak li qal lill-ILLUM, Falzon saħansitra “ma kellu ebda obbligu jirriżenja.” Musumeci fil-ħarġa tal-ILLUM tal-Ħadd li għadda qal hekk: “Naħlef li Michael Falzon mhux korrott.”
Ma’ dan iżda, Marlene Farrugia ma taqbilx u qalet li Falzon għamel sew li rriżenja għax “għalkemm hu ma waqqafx din l-istituzzjoni msewsa, xorta refa’ r-responsabilta kollha ta’ dak li kien qed isir u anke ta’ dak li sar qabel. Anzi kellu jirriżenja qabel, meta l-każ beda jiġi investigat. Kien jagħmel ħafna ġid għalih u għall-partit li kieku sar hekk. Iżda dan il-Gvern, l-ewwel jipprova jgħatti u jtawwal, u wara tiġi kontrih.”
Farrugia semmiet il-każ tal-eks Ministru Manwel Mallia fejn qalet li kieku dan irriżenja mill-ewwel, “kieku għadu hemm” filwaqt li reġgħet tenniet li, “f’isem il-partit li Falzon tant iħobb, għamel sew li rriżenja, iżda dan ma jfissirx li hu korrott.”
“L-art hi l-ġid tal-poplu kollu,” qalet Farrugia, “l-artijiet huma l-assi tal-poplu, il-ġid tan-nies u aħna obbligati li nkunu trasparenti u kontabbli ta’ dak kollu li jsir f’dan id-dipartiment. Irridu naraw li dan id-dipartiment ikun użat bl-aħjar mod favur in-nies kollha u mhux biex igawdu minnu xi wħud. Xi mkien, il-poplu qed ibati għax il-miljuni li jintilfu huma tiegħu.”
Farrugia kompliet tgħid li l-investigazzjoni wriet biċ-ċar li x-xogħol seta’ sar aħjar u l-iżbalji li saru setgħu ma sarux.
Il-Perit Robert Musumeci stqarr li fl-ebda parti mir-rapport ma ħareġ li kien hemm xi tip ta’ korruzzjoni min-naħa ta’ Falzon, “korruzzjoni hi definita bil-liġi. L-Artiklu 115 tal-Kodiċi kriminali jgħid eżattament meta hemm korruzzjoni. Fil-fatt, dan l-artiklu jgħid li korruzzjoni sseħħ meta individwu in konnessjoni mal-kariga jew impjieg tiegħu, jitlob, jirċievi jew jaċċetta għalih jew għal ħaddieħor xi lukru, bħal rigal jew wegħda jew offerta ta’ xi rigal fi flus biex jagħmel dak li hu fid-dmir tiegħu li jagħmel jew agħar minn hekk jonqos li jagħmel dak li hu fid-dmir tiegħu li jagħmel. Imkien fir-rapport ma jissemma li Falzon seta’ ħa xi ħaġa. Ir-rapport jitkellem dwar nuqqasijiet li fil-fehma tiegħi huma konsegwenza ta’ sistema u liġijiet arkajki li Falzon wiret. Ma nistgħux ngħidu allura li Falzon huwa korrott.”
Tlabnih jgħidilna jekk jarax xi tip ta’ korruzzjoni fil-każ li Michael Falzon iffirma l-esproprijazzjoni ta’ artijiet lil Mark Gaffarena. “Fir-rapport m’hemm ebda indikazzjoni li Michael Falzon ħa xi vantaġġ. Falzon uża d-diskrezzjoni li tagħtih l-istess liġi abbażi tad-dokumenti u valutazzjonijiet li ppreżentawlu. Falzon ħallas għal sistema ta’ soluzzjonijiet legali arkajki li wara kollox wiret mingħand ħaddieħor u li kien fil-proċess li jibda jirriforma.”
Fid-dawl ta’ dan l-argument ta’ Musumeci, l-ILLUM staqsietu biex jgħid għafejn allura Falzon ħass li xorta kellu jirreżenja.
“Ma kellu l-ebda obbligu li jirriżenja. Kienet deċizjoni tiegħu li jien nirrispetta. Nassigurak li l-maġġoranza tal-poplu iddispjaċiha għalih. Michael huwa raġel tajjeb,” temm jgħid.