Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkomplu jitfgħu l-Armier f’ħoġor xulxin

Ryan Callus jirreferina għal Simon Busuttil u Leo Brincat iwaħħal fil-PN

 

Kemm il-kelliem Nazzjonalista għall-Ambjent Ryan Callus kif ukoll il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat ma xtaqux jidħlu f’dettalji jew pjanijiet futuri tal-Oppożizzjoni jew tal-Gvern dwar l-Armier. Minflok, tefgħu l-kwistjoni f’ħoġor ħaddieħor, b’Callus jirreferi lill-ILLUM għar-risposti tal-Kap tal-PN Simon Busuttil lil din il-gazzetta. Min-naħa tiegħu, Brincat irreferina għall-ftehimiet li dawk li għandhom kmamar fl-Armier laħqu ma’ Gvernijiet Nazzjonalisti.

L-ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lil Ryan Callus fid-dawl tal-istqarrija ta’ Busuttil li minkejja li wiegħed li ma jżommx ma’ ftehimiet passati Nazzjonalisti, xorta ma kienx lest jikkumenta dwar x’jagħmel hu kieku jkun Prim Ministru. Din il-gazzetta staqsiet lil Callus xi jħoss, bħala kelliem tal-Ambjent tal-PN, li hija s-soluzzjoni għall-illegalitajiet fl-Armier.

Staqsejna wkoll lil Callus dawn il-mistoqsijiet, “Tħoss li tkun soluzzjoni ġusta jekk il-kmamar mibnijin mingħajr rikonoxximent politiku, coè wara l-1992, jitwaqqgħu u jinbnew mill-ġdid? Jew tħoss li hija iktar ġusta jekk jitwaqqgħu u l-postijiet fejn huma mibnijin jerġa’ jiġi fl-istat naturali tiegħu?”

L-ILLUM staqsa wkoll lil Callus dan li ġej, “Apparti l-Armier x’taħseb li għandha tkun is-soluzzjoni ta’ postijiet simili f’żoni bħal San Tumas u l-Qawra? Taħseb li dawk il-kmamar jew boathouses li mhumiex mibnijin skont il-liġi għandhom jitneħħew?”

Għal dan kollu, Callus kellu risposta qasira u xotta ħafna u rrefera lill-ILLUM għal dak li qal il-Kap tal-Partit li jappartjeni. “Dwar dan is-suġġett, diġà tkellem il-Kap tal-Partit tiegħi Simon Busuttil u għalhekk nirreferik għal dak li qal, kemm f’numru ta’ intervisti, kif ukoll fi tweġibiet lill-istess ġurnal li int editur tiegħu.”

F’artiklu ppublikat fl-ILLUM tal-10 ta’ Jannar 2016 Busuttil ma riedx iżid mal-istqarrijiet pubbliċi tiegħu dwar l-Armier. Il-PN qal biss li Busuttil qed jistenna “r-reazzjoni tal-Gvern u f’dan l-istadju m’għandux aktar xi jżid ma dak li diġà ntqal.”

Il-Kap Nazzjonalista ma tax dettalji dwar x’jagħmel il-partit li jmexxi bil-kmamar fl-Armier kieku jkun fil-Gvern.

Il-Ministru Brincat jirreferina għall-ftehimiet passati Nazzjonalisti

L-ILLUM għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat ukoll, imma anke f’dan il-każ, din il-gazzetta la ngħatat dettalji u lanqas pjani ċari għall-Armier jew postijiet oħrajn simili.

L-ILLUM staqsiet lil Brincat, bħala Ministru tal-Ambjent dan li ġej, “X’inhu l-pjan tal-Gvern preżenti għall-Armier? Li jibqa’ kif inhu? Li jwaqqa’ l-kmamar? Jew inkella li jirregolarizzahom? U jekk se jirregolarizzahom kif beħsiebu jagħmel dan?” L-ILLUM staqsiet ukoll jekk huwa minnu li hemm pjani biex dawn il-kmamar jitwaqqgħu u jinbnew mill-ġdid.

Għal , Brincat wieġeb biss, “li jrid ikun hemm soluzzjonijiet li jindirizzaw l-illegalitajiet li ilhom iseħħu snin twal.” F’dan il-punt il-Ministru Brincat fakkar li s-soluzzjonijiet, “iridu jieħdu in kunsiderazzjoni l-ftehimiet li daħlet għalihom l-amministrazzjoni preċedenti.”

 

 

 

 

More in Politika