Minkejja r-rapport tal-Awditur Ġenerali u r-riżenja tiegħu minn Segretarju Parlamentari, Michael Falzon xorta jista’ jerġa’ jkun fuq il-lista ta’ kandidati Laburisti għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fil-fatt, meta mistoqsi minn l-ILLUM dwar jekk il-Partit Laburista jaċċettax it-talba ta’ Falzon biex jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni li jmiss, il-President tal-PL Daniel Josè Micallef wieġeb li ma jara “l-ebda raġuni għalfejn Falzon ma joħroġx għall-elezzjoni li jmiss. Għad fadallu ħafna x’jagħti lill-Partit.”
L-ILLUM għamlet ukoll kuntatt mad-Deputat Mexxej tal-PL Toni Abela li għalkemm saħaq li għadu prematur biex wieħed jitkellem dwar il-kandidatura ta’ Falzon, fakkar kif “fil-passat kien hemm Ministri li rreżenjaw u xorta reġgħu ħarġu għall-elezzjoni.”
L-ILLUM staqsa lil Micallef jekk iħossx li Falzon ikkomprometta l-pożizzjoni politika tiegħu b’dak li ġara, bit-tweġiba pronta tkun “le għax irreżenja.” Għalkemm din il-gazzetta fakkret lill-President tal-PL li Falzon iffirma biex setgħet issir l-esproprijazzjoni li minnha bbenifika Gaffarena, huwa sostna li jeħtieġ niddeċiedu kif se nirraġunaw fuq każi bħal dawn. “Meta politiku joqgħod fuq dak li jkunu qalu l-esperti ngħidu għax qabad u ffirma u jekk ma joqgħodx fuq l-esperti ngħidu li qed jindaħal.”