Fid-dagħdiha isterika ta’ negattività li għaddej biha l-Kap tal-Oppożizzjoni, ilbieraħ wasal sabiex attakka lill-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tiegħu. Dr Peter Grech mhux biss għandu kariga Kostituzzjonali li hija importanti ferm għal kwalunkwe pajjiż iżda huwa rispettat minn kulħadd.
Simon Busuttil, li jitkellem tant fuq standards u mġieba, ma staħax jgħid li l-kawża li l-istess Avukat Ġenerali u l-Prim Ministru fetħu fil-konfront ta’ Gaffarena hija ddisinjata biex tintilef. Dan id-diskors huwa, mhux biss sintomatiku ta’ Kap tal-Oppożizzjoni negattiv li m’għandu l-ebda rispett lejn l-ebda ististuzzjoni, bħal Qorti u l-istess Avukat Ġenerali, tant li spiċċa jattakkahom qata’ bla ħabel, iżda aktar minn hekk irid jimplika li dan tal-aħħar qisu għandu skop ulterjuri biex itellef din il-kawża.
Din il-politika negattiva ta’ Simon Busuttil ma tagħmel l-ebda ġieħ lejn persuni li minn dejjem, irrespettivament minn hemm fil-Gvern, igawdu l-fiduċja tal-poplu minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom.
L-inqas ħaġa li għandu jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni f’dan l-istadju huwa li jitlob skuża lill-Avukat Ġenerali, li kien maħtur fil-kariga mill-Gvern ta’ qabel u l-Qorti wara d-diskors li għamel, li zgur għandu jħammarlu wiċċu u mhux dehen tal-pożizzjoni li jinsab fiha.