It-tbagħbis tal-files huwa prova tal-korruzzjoni - PN
Il-PN kompla jgħid li l-Gvern ta’ Joseph Muscat kaxkar saqajh u ta ċans li jsir cover-up ta’ din il-korruzzjoni.
More in Politika
Il-PN kompla jgħid li l-Gvern ta’ Joseph Muscat kaxkar saqajh u ta ċans li jsir cover-up ta’ din il-korruzzjoni.
It-tbagħbis fil-files tad-dipartimenti tal-artijiet dwar l-art pubblika li inagħtat lil Gaffarena jikkonfermaw il-korruzzjoni fil-każ ta’ Strada Zekka. Dan it-tbagħbis fil-files mhux biss jikkonferma il-korruzzjoni iżda huwa xhieda li l-Gvern ta’ Joseph Muscat kaxkar saqajh u ta ċans li jsir cover-up ta’ din il-korruzzjoni.
L-Awditur Ġenerali, fir-rapport tiegħu jirreferi numru ta’ drabi għat-tbagħbis ta’ dokumenti fil-files dwar il-bejgħ ta’ art pubblika lil Gaffarena. Ir-rapport jitkellem dwar referenzi f’minuti li ma jaqblux bejtniehom, u dwar minuti li ġew renumbered. L-Awditur Ġenerali sab ukoll minuti datati 31 ta’ Lulju 2014, li ma setgħu qatt inkitbu qabel korrispondenza datata 21 t’Awwissu 2014.
It-tfittix li sar mill-Pulizija l-għada tar-rapport tal-Awditur Ġenerali fid-Dipartiment tal-Artijiet, disgħa xhur wara li l-Oppożizzjoni talbet lill-Awditur Ġenerali jinvestiga, sar tard wisq għax min ried iħassar it-traċċi tiegħu kellu kull ċans jagħmel dan.
Kieku l-Gvern ta’ Joseph Muscat tassew ried juri serjetà u mhux jirreċta, dawn il-files kienu jinġabru xhur ilu, meta harġu l-allegazzjonijiet serji fil-ġurnali indipendenti u żgur mhux aktar tard minn meta ġie konkluż ir-rapport tal-Internal Audit Investigations Dipartment. Minflok, il-Pulizija għamlet raid wara li kollox kien lest.
Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, l-Artijiet, l-Ambjent u l-Infrastruttura, Ryan Callus, waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kandidat għall-elezzjoni ġenerali, Mark Anthony Sammut.
Mark Anthony Sammut, min-naħa tiegħu, sostna li dan l-iskandlu ġab lid-Dipartiment tal-Artijiet għarkubbtejh. Dan huwa l-prezz li qiegħed iħallas il-poplu Malti għall-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Muscat. Kompla biex jgħid li l-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment jinsabu mifxula, u b’moral baxx u kemm huwa ħazin li l-ħaddiema qegħdin jiġu impenġija bħala kriminali. Hemm ukoll nuqqas ta’ fiduċja kbira u dan jistà jkollu biss konsegwenzi negattivi.
L-iskandlu ta’ Gaffarena, frott il-korruzzjoni li ħakmet il-Gvern ta’ Joseph Muscat, ġabet fix-xejn id-Dipartiment tal-Artijiet, fejn ħafna qegħdin jilmentaw minn dewmien fis-servizzi offruti. Dan huwa riżultat tas-side-effects tal-korruzzjoni li għaliha qed iħallas il-poplu Malti, Għal darb’ oħra naraw li grazzi għal Joseph Muscat, għall-korruzzjoni iħallas il-poplu Malti, temm jghid Mark Anthony Sammut.