'Il-Presidenza Olandiża għandha tippromwovi l-koeżjoni politika' Alfred Sant

Din il-presidenza mistennija ttejjeb il-ħidma bejn l-istati membri tal-UE

Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-prijorita` tal-Presidenza Olandiża tal-Unjoni Ewropea għandha tkun dik li tippromwovi l-koeżjoni politika fost l-istati membri tal-Unjoni, l-aktar dwar il-immigrazzjoni. Sant qal dan waqt id-dibattitu tal-programm ta’ attivitajiet tal-Presidenza Olandiża fil-Kunsill tal-UE li bdiet dan ix-xahar. Il-Presidenza Olandiża se tiffoka fuq erba’ oqsma: l-immigrazzjoni u s-sigurtà internazzjonali; finanzi sodi u żona tal-Ewro robusta; il-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; u politika tal-enerġija u l-klima.

Sant qal li l-ewwel sitt xhur tal-2016 jistgħu jsaħħu u jkissru l-politika attwali ewlenija tal-Ewropa. L-ikbar sfida hija dik li tinżamm l-għaqda politika. ‘Il-prijorità tal-Presidenza Olandiża għandha tkun li   ssaħħaħ it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Preżentement l-Olanda hija fl-aqwa pożizzjoni biex tagħmel dan’, sostna l-MEP Sant.

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija tal-S&D qal li l-qasma bejn in-Nord u s-Sud tal-Unjoni jista’ jaraha kulħadd. ‘Dil-qasma hija kkonfermata mir-regoli tal-governanza taż-żona ewro, kif ukoll mir-riżultati tal-elezzjonijiet nazzjonali riċenti fis-sud. Ikkonfermata wkoll mill-battibek kontinwu bejn il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea. Il-qasma bejn il-Punent u l-Lvant kompliet tiżdied bil-kriżi tal-immigrazzjoni, bid-diverġenzi ekonomiċi li dejjem qed jikbru u bil-metodi politiċi differenti tal-pajjiżi tal-UE.  Flok qegħdin niffukaw fuq dawn il-problemi reali, qegħdin nitkellmu fuq il-‘bżonn’ li niħduha kontra l-‘espansjoniżmu’ Russu. Il-possibilta` li pajjiż ewlieni joħroġ mill-UE qed tkompli żżid l-inċertezza fl-Unjoni’, qal Alfred Sant.

Fid-dibattitu dwar il-Presidenza Olandiża ħadu sehem bosta MEPs li għamlu interventi lill-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

More in Politika