L-anzjani qed jirċievu żieda fil-pensjoni għall-ewwel darba f'25 sena - Muscat
Il-Prim Ministru qal li kull sena qed jiżdied l-ammont ta’ nies illi qed jieħdu l-għotja ta’ €300
More in Politika
Il-Prim Ministru qal li kull sena qed jiżdied l-ammont ta’ nies illi qed jieħdu l-għotja ta’ €300
Dan il-Gvern ġab bidla fid-direzzjoni fir-rigward tal-pensjonijiet u fil-mod kif nittrattaw il-kwistjoni tal-anzjanità. Fiż-żmien li ġej il-poplu se jara ħafna aktar bidliet biex il-pajjiż ikun aktar b’saħħtu biex b’hekk jiġu megħjuna s-setturi kollha tas-soċjetà b’mod speċjali l-anzjani. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan waqt li kien qed jindirizza l-forum edukattiv organizzat mill-Għaqda tal-Pensjonanti tal-General Workers’ Union.
Il-Prim Ministru qal li minn din il-ġimgħa se jkun hawn firxa bla preċedent ta’ anzjani, speċjalment dawk li jirċievu pensjoni minima, illi ħa tkun qed tiżdidilhom il-pensjoni għall-ewwel darba f’25 sena. Hu stqarr li huwa kburi li dan huwa wieħed mir-riżultati ewlenin ta’ dan il-Gvern.
Joseph Muscat qal li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet il-poplu vvota għall-bidla. Illum din il-bidla qiegħda tinħass fil-ħsieb ta’ dan il-Gvern, speċjalment fejn jidħol il-faqar.Joseph Muscat stqarr li filwaqt li l-ekonomija sejra tajjeb u hawn ħafna xogħol u ġid, xorta għad hawn nies li għadhom qed ibatu l-faqar, fosthom l-anzjani. Il-Prim Ministru qal li kull sena qed jiżdied l-ammont ta’ nies illi qed jieħdu l-għotja ta’ €300. L-anzjani qed jibbenefikaw ukoll minn żieda sħiħa fl-għoli tal-ħajja. F’dan ir-rigward, il-Gvern, permezz ta’ tnaqqis ta’ 35% fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-pensjonanti u l-anzjani, qed joqgħod attent biex ma jiżdiedx piż fuq l-għoli tal-ħajja.
Huwa semma l-iskemi fejn ċertu persuni li ma kellhomx biżżejjed bolol imħallsa, issa qed ikollhom iċ-ċans biex ikunu jistgħu jħallsu sa 5 snin bolol biex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal pensjoni jew biex tiżdidilhom il-pensjoni. Il-Gvern qed jagħti somma ta’ flus ukoll lil ċertu persuni li ma ħallsux bolol biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal pensjoni. Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-bidliet li saru fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali fejn permess ta’ hekk tneħħew numru ta’ anomaliji li kienu jaffettwaw l-aktar lill-eksħaddiema tat-Tarzna. Matul is-sena li għaddiet, 616-il pensjonant, ħafna minnhom eksħaddiema tat-Tarzna, irċievew żieda tal-pensjoni li bejniethom tlaħħaq għal €1,600,000. B’referenza għar-rapport mill-Fond Monterarju Internazzjonali li qal li s-sistema tal-pensjonijiet f’Malta hija aktar soda u sostenibbili, il-Prim Ministru sostna li dan kollu huwa possibbli minħabba li l-Gvern kabbar l-ekonomija u qed joffri childcare b’xejn.
Muscat tkellem dwar is-suċċess tal-proġett pilota tal-live in carers. Filwaqt li tenna li proġetti bħal dawn huma importanti, sostna li l-għajnuna mill-istat ma tistax tieħu post l-ulied, li xorta għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom.