‘Min abbuża se jitneħħa mil-Lands’
Deborah Schembri twiegħed li l-Gvern se jbiddel l-operat tad-dipartiment ‘mill-qiegħ’
minn Albert Gauci Cunningham
F’kummenti mal-ġurnal l-ILLUM is-Segretarju Parlamentari l-ġdid Deborah Schembri tagħmilha ċara illi jekk hemm persuni li huwa magħruf jew jinstab li abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom fid-Dipartiment tal-Artijiet “iridu jitneħħew.” Hija tagħmilha ċara wkoll li dak li qed jipproponi l-Gvern biex isir f’dan id-Dipartiment mhuwiex sempliċiment eżerċizzju superfiċjali b’risposta għal każ ta’ Gaffarena imma “riforma radikali li ilha ġejja żmien twil. Mhu qed inwiegħdu xejn superfiċjali, anzi se nkunu qed inbidlu kollox mill-qiegħ.”
Schembri spjegat kif il-Gvern qed jippjana li jqaċċat l-barra s-sistema kollha li biha qed jaħdem il-Lands bħalissa u minflokha jdaħħal oħra li hija aktar trasparenti u kontabbli, b’mekkaniżmu ta’ awditjar.
Mitluba minn l-ILLUM biex tiddeskrivi l-istat li jinsab fih u li ilu fih id-Dipartiment, Schembri qalet illi dan “mhux qed iservi l-iskop tiegħu. Jiġifieri mhux qed jagħti l-aħjar valur għall-flus lill-Gvern u għalhekk lill-poplu Malti.” Hija kompliet tgħid illi l-Lands kif inhu illum fih “nies li jridu jabbużaw mis-sistema u sistema li hija miftuħa beraħ għall-abbuż.”
Is-Segretarju Parlamentari Schembri sostniet illi fost l-ewwel bidliet li l-Gvern irid jassigura hemm dik li permezz tagħha jkun iċċarat darba għal dejjem x’jikkostitwixxi “skop pubbliku” ta’ esproprjazzjoni. Dan il-punt jissemma’ fir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-każ Gaffarena, fejn jgħid li tali esproprjazzjoni ma kellha ebda skop pubbliku ċar. L-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon kien akkużat li ma ħarisx biżżejjed dan l-iskop pubbliku fl-esproprjazzjoni tal-Gvern lil Gaffarena.
Schembri qalet li l-liġi kif inhi sal-lum hija waħda vaga ħafna u miftuħa għal wisq interpretazzjonijiet. “Min jaħseb li tgħodd għalih u min jinterpretaha kif irid jew kif jaqbillu hu. Is-sistema kif inhi,” tkompli tgħid Schembri, “hija miftuħa beraħ biex tagħmilha aktar faċli li jingħata trattament speċjali xi ħadd. Kif inhi s-sistema llum, xi ħadd li jrid jabbuża se jsibha aktar faċli biex jagħmel dan.”
Schembri qalet li jeħtieġ illi tinbidel ukoll is-sistema ta’ valutazzjonijiet, li fil-fatt kienet fil-qofol tal-każ Gaffarena kif ukoll il-każ tal-Fekruna li seħħ qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Hija tgħid lil din il-gazzetta illi hemm bżonn ta’ livelli standard għal mod kif jingħata valur lill-art jew propjetà. “Hemm bosta metodi, fosthom valutazzjoni li timxi mal-prezz tas-suq jew metodu komparattiv. Wasal iż-żmien li nimxu ma’ metodu partikolari. Ma jistax jibqa’ jkollna każijiet fejn fi skambju ta’ propjetà jibqa’ jkollok valutazzjoni ħażina li minnha jmur minn taħt il-Gvern, u allura kulmin iħallas it-taxxa.”
Intant ma’ dan il-ġurnal hija spjegat kif minn din il-ġimgħa stess se jkun qed jiftaħ proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni fejn hi se tkun qed tisma’ l-problemi u l-proposti tan-nies rigward il-bidliet meħtieġa fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Mhux se tkun sfida faċli
Intant fil-kummenti tagħha mal-ILLUM Schembri ammettiet illi l-isfida illi għandha quddiemha mhux waħda faċli. “Li ġie affetwat il-Gvern u l-PL hija vera. Imma dan il-Gvern,” tkompli mill-ewwel Schembri, “qed jimmira biex jibda jagħmel id-differenza f’dan il-qasam.”
“Se nagħmlu bidla kbira li ma saret qatt, forsi għax mhux bidla faċli. Imma se nagħmluha u l-isfida se niffaċjawha.”