M’hemmx pjani biex tkun estiża l-iskema tal-First Time Buyers

Chetcuti sostna illi jaqbel mija fil-mija mal-Ministru Scicluna.

 

 

“M’hemmx pjani jew impenn biex l-iskema tal-First Time Buyers tkun estiża, anke jekk id-deċiżjoni finali se tkun qed tittieħed qabel l-baġit li jmiss. Dan sostnieh mal-ILLUM il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ftit wara li kien ta’ indikazzjoni fuq l-istess linja fil-programm Dissett ta’ nhar il-Erbgħa li għadda. F’risposta għal mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta Scicluna qal illi issa li din il-miżura iġġeddet għat-tieni darba “kemm teoretikament kif ukoll, minn dak li qed jgħidu nies li huma fin-negozju, parti mill-vantaġġ jista jieħdu l-bejjiegħ.”

L-Iskema għal First Time Buyers li minnha persuna jew koppja li kienu se jixtru l-ewwel proprjeta’ tagħhom setgħu jiffrankaw sa’ €5,000 wasslet għal imbottatura qawwija fis-settur tal-proprjeta’ f’dawn l-aħħar sentejn. Huwa fatt magħruf li din l-iskema wasslet għal żieda notevoli fis-settur. Tant kienet meqjusa pożittiva din il-miżura li l-Prim Ministru kien saħansitra semmiha fl-indirizz tiegħu lin-nazzjon nhar l-ewwel tas-sena.

Minkejja dan, kemm fil-kummenti lil din il-gazzetta kif ukoll fir-risposti tiegħu lil Reno Bugeja, l-Ministru tkellem fis-sens li l-għan tal-miżura issa ntlaħaq, jiġifieri dak li jerġa jqum fuq saqajh is-settur tal-proprjeta’.

‘Naqblu mija fil-mija mal-Ministru’

Intant din il-gazzetta għamlet kuntatt ukoll maċ-ċermen tal-Malta Developers Association Sandro Chetcuti, li taħtu taqa’ wkoll il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjeta’ Maltin. Minkejja s-suċċess tal-miżura, Chetcuti sostna illi jaqbel mija fil-mija mal-Ministru Scicluna.

Mistoqsi jispjega għalfejn, huwa qal illi fil-fatt din il-miżura wasslet għal tkabbir qawwi f’settur li kien qed jirreġistra tkabbir pjuttost kajman. “Imma nifhem ukoll li biż-żmien miżura bħal din tista tindara u b’konsegwenza dak li qed jiffranka x-xerrej jibda jgawdi minnu l-bejjiegħ minflok, għax it-taxxa iffrankata tidħol parti minn prezz ogħla tal-proprjeta’.

Mistoqsi jekk dan hux diġa qiegħed isir Chetcuti ċaħad u qal li l-kompetizzjoni għall-‘housing’ affordabbli hija tant kbira bħalissa li ma jkunx jagħmel sens għal dawk fin-negozju li jżidu l-prezzijiet. Minkejja dan ma ċaħadx li kien jibda jkun il-każ kieku l-iskema tibqa’ tkun estiża.

Intant bħalissa fir-Renju Unit il-Gvern Konservattiv għadu kemm nieda skema simili bl-isem ‘Help-to-Buy’ li qed ikollha rispons qawwi ħafna, speċjalment fid-dawl ta’ prezzijiet għoljin tal-proprjeta’ fil-pajjiż u fi bliet bħal Londra.  

More in Politika