Joseph u Konrad qed jgħixu gidba...imma l-PN qed jipprova jfixkel
...il-PN jakkuża lill-Ministru Mizzi li ma tax garanzija li l-Power Station il-Ġdida se tkun lesta f'Ġunju li ġej...imma Mizzi jgħid li l-bini se jkun lest f'Mejju biex imbagħad tibda l-qalba għall-gass
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Partit Nazzjonalista qal illi fid-dawl ta' dikjarazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi aktar kmieni llum waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn" ma tax garanzija li l-power station il-ġdida tkun lesta f’Ġunju li ġej turi li Konrad Mizzi u Joseph Muscat qed jgħixu gidba."
Il-PN qal illi "qabel l-elezzjoni, Muscat u Mizzi wegħdu Power Station ġdida biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li din żgur tkun lesta sa Marzu 2015." "Fuq dan" kompla jgħid il-PN "Muscat u Mizzi diġa fallew."
"Wara, Muscat u Mizzi wegħdu li l-Power Station il-ġdida se tibda taħdem sa Ġunju 2016. Issa, wara d-dikjarazzjoni ta’ llum jidher li anki din it-tieni wegħda kienet gidba.
Dan, apparti l-fatt l-Gvern qed jintrabat li jixtri l-elettriku mill-power station ġdida bi prezz għola mill-prezz tal-interconnector. Dan ifisser li flok traħħas il-kontijiet, din il-power station se żżommhom għolja kif jinsabu bħalissa, meta tqis li l-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’75% fuq tliet snin ilu" temm jgħid il-PN.
Il-PN qed jipprova jfixkel u mhux jirnexxilu -Ministru Mizzi
Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, waqt Konferenza fiċ-ċentru Nazzjonali Laburista, saħaq li l-Oppożizzjoni qegħdha tagħmel minn kollox biex tipprova twaqqaf il-proġett fil-qasam tal-enerġija u fakkar kif l-Oppożizzjoni saqsiet fuq il-procurement u l-Kummissjoni Ewropea wieġbet li kollox huwa skont ir-regoli, l-istess Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li dan il-Gvern ma mexxiex skont l-EIA u r-regoli ambjentali u l-Kummissjoni Ewropea qalet li dan mhux minnu. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qajjmet dubbji wkoll dwar kemm il-Gvern qed jimxi mar-regoli tas-Seveso u saret petizzjoni fuq it-tanker minn MEP Nazzjonalista, f’dawn iż-żewġ okkażjonijiet ukoll, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma ngħatatx raġun mill-Ewropa, spjega Dr Mizzi. Konrad Mizzi saħaq li riċentament saret mistoqsija minn MEP Nazzjonalist dwar il-proċess kompettitiv u l-Kummissjoni Ewropea reġgħet tat raġun il-Gvern Malti.
Il-Ministru Mizzi għamel referenza wkoll għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fejn qal li m’hemmx bżonn power station oħra, iżda b’dan kollu l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ireġġa’ l-arloġġ lura, Simon Busuttil huwa garanzija ta’ aktar tniġġiz fl-arja u kontijiet ogħla, sostna Konrad Mizzi. Dan l-istatement tal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa perikoluż għax lanqas biss huwa kkalkulat, hekk kif mhux biss ser jonqos is-CO2 b’1.1miljun li se jfisser 50% inqas f’emissjonijiet u 90% inqas fi trabijiet, iżda l-bini tal-power station il-ġdida ser tfisser li tingħalaq il-power station tal-Marsa, Delimara 1 se tagħlaq u tiżżarma ċ-ċumnija u Delimara 2 tinżamm bħala spare capacity, spjega l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa.
Dr Mizzi stqarr li f’Mejju li ġej huwa maħsub li titlesta mill-bini l-power station il-ġdida sabiex wara jkun hemm il-qalba għall-gass. Fl-Aħħarnett il-Ministru Mizzi fakkar fl-inkonsistenzi tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fejn l-ewwel kien jgħid li impossibli li dawn jorħsu, wara qal li l-kontijiet raħsu grazzi għalih, imbagħad beda jiddubita jekk hux veru raħsu sabiex fl-aħħar qal li dawn naqsu minħabba forzi esterni. Il-verità hija li l-poplu u n-negozji draw jirċievu kontijiet orħos, temm jgħid Konrad Mizzi.
Owen Bonniċi - Simon Busuttil stenbaħ 29 sena u 3 t’ijiem tard
Min-naħa tiegħu l-Ministru Owen Bonnici saħaq li Simon Busuttil qed ibati minn amnesija politika u fakkar kif fl-aħħar 25 sena kien anke kundanni minn Qrati Ewropej fuq il-qasam tal-ġustizzja, iżda fuq dan kollu l-Kap tal-Oppożizzjoni ma lissinx kelma.
Simon Busuttil jiftaħar li kiteb żewġ manifesti elettorali iżda fihom ma jsemmi xejn dwar il-ħatriet ta’ membri tal-ġudikatura, spjega Dr Bonnici filwaqt li fakkar kif meta l-Gvern preżenti ħatar il-Kummissjoni Bonello, l-istess Kummissjoni kienet bagħtet għall-Oppożizzjoni biex tressaq il-proposti tagħha, iżda din ma tat l-ebda proposta. Simon Busuttil stenbaħ 29 sena u 3 t’ijiem tard, stqarr il-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali.
Owen Bonnici għamel referenza wkoll għad-dokument li ħareġ il-Partit Nazzjonalista fuq Governanza li fih kien hemm miktub li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ser timxi mal-proposti tal-Kummissjoni Bonello, iżda permezz tal-liġi li ressqu, dawn il-proposti twarrbu u b’hekk Simon Busuttil għamel u-turn. Il-Kap tal-Oppożizzjoni meta jinfexx jattakka jispiċċa jiżbalja u din hija trait ħazina għal politiku, tenna l-Ministru Bonnici.
Dr Bonnici staqsa lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jgħid ma’ min ikkonsulta biex ħareġ il-proposti u għalfejn biddel il-verżjoni mill-proposti tal-Kummissjoni Bonello fejn issa l-PN qed jipproponi li jkun hemm il-politiċi fil-bord tal-għażla, proposta differenti mill-Kummissjoni Bonello li qed tgħid li dawn m’għandhomx ikunu hemm. Il-Ministru Bonnici staqsa jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-esperti, mal-membri tal-ġudikatura, mal-assoċċjazzjoni tal-membri tal-ġudikatura u mal-Avukat Ġenerali.
Fl-aħħarnett Owen Bonnici stqarr li sal-aħħar ta’ din il-leġislatura dan il-Gvern se jkun wettaq ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja.