Il-borma li qed tbaqbaq ta’ Laburisti rrabjati għall-partit
“Xi nies li spiċċaw f’xi kariga, illum qed jarawna dubbien”
minn Albert Gauci Cunningham / Mark Borg
Lil hinn minn dak li jiġi diskuss fuq il-mezzi tax-xandir u mill-kritika politika li jaqla’ kull Gvern fuq kwistjonijiet nazzjonali, l-ilmenti tal-‘grassroots’ jibqgħu element moħbi, imma importanti meta partit ikun qed jagħmel il-kalkulazzjonijiet elettorali tiegħu.
Dan il-Gvern qed jiffaċċja kritika, li issa qed tinxtered fuq il-mezzi soċjali wkoll, ta’ nies li jgħidu li huma Laburisti “mweġġgħin” jew li magħhom saret inġustizzja. Għalkemm ftit saru, jekk qatt isiru programmi televiżivi dwar dan, jidher li bħalissa hemm moviment voċiferu ta’ ‘nagħaġ mitlufa’ li l-PL jeħtieġ jara kif se jikkalma.
Minkejja l-ħeġġa tal-Gvern biex ikabbar u jagħmel il-ħajja tan-negozju faċli, li jibni immaġini moderna u business like u minkejja l-avvanzi elettorali kbar li l-PL għamel f’setturi li qabel kienu esklussivament Nazzjonalisti, il-bażi ta’ votanti Laburisti jibqgħu determinanti f’kull rebħa/telfa tal-partit. Mingħajr il-votant tradizzjonali Laburist, il-PL ma jistax jirbaħ elezzjoni, tiġi meta tiġi.
Imma dawn il-votanti x’qed jippretendu eżattament? X’qed jistennew li ma ħadux? U dak li qed jitolbu huwa ġust? Għalfejn qed imorru għand id-deputati? Din tal-ilmenti għand il-politiku hija parti minn kultura ta’ nepotiżmu politiku li akkumulat f’dan il-pajjiż għal snin twal?
‘Dan fenomenu li esperjenzajtu kull meta konna fil-Gvern’
L-ILLUM kellmet lil persuna li għal żmien twil kien assoċjat mal-Partit Laburista u mal-mezzi tax-xandir tiegħu: Manwel Cuschieri. Min huma dawn il-Laburisti mweġġgħin? Xi jridu eżattament?
Cuschieri jibda mill-ewwel billi jgħid li dak li qed jiġri llum b’ilmenti voċiferi dwar inġustizzji jew Laburisti li jgħidu li huma “minsijin mill-partit” ma bediex illum. “Niftakar lill-PL fil-Gvern tal-1981-87, niftakar il-Gvern ta’ Alfred Sant tal-1996-98 u issa għandna dan il-Gvern. Fit-tliet każijiet, dan il-fenomenu politiku ta’ ilmenti personali u weġgħat tan-nies dejjem kien preżenti. Imma hemm differenza bejn partit u ieħor ukoll.”
X’inhi d-differenza? Forsi fost il-Laburisti hemm min huwa iktar parti minn din l-idea li trid mill-politiku? Cuschieri jiċħad u jfakkar mill-ewwel li anke l-appoġġ tradizzjonali lejn il-partit jista’ jwassal biex aktar Laburisti jressqu ilmenti jew talbiet personali. “Il-PL għandu appoġġ minn żoni li setgħu waqgħu lura u allura jeħtieġu aktar attenzjoni. Għalkemm tajjeb infakkar”, ikompli jgħid Cuschieri, “li l-Gvern diġà beda jindirizza din il-problema permezz ta’ miżuri diversi bil-għan li jgħinu lill-fqir u lill-batut.”
“L-inġustizzji personali huma realtà’” qal Cuscheri, xi ħaġa li qablu magħha wkoll l-eks sindku u attivista Laburista Ray Tabone, Charles Miceli, persuna magħrufa għall-ideat xellugin tiegħu, kif ukoll l-eks Sindku Bormliż Joe Scerri. B’differenza iżda, Cuschieri jgħid li ġew indirizzati ħafna minn dawn għalkemm iżid jgħid ukoll li “għad fadal ħafna oħrajn li għad iridu jiġu indirizzati.”
Tingħata raġun...imma bir-raġun tibqa’
Ray Tabone jgħid li l-akbar problema ta’ bosta attivisti Laburisti hija li jħossu li wara snin ibatu inġustizzja jew jinqabżu minħabba l-ideat politiċi tagħhom, “issa baqgħu jinqabżu.” Huwa jsemmi l-każ tiegħu fejn qal lill-ILLUM li minkejja li studja u investa biex seta’ jġib Masters, hu baqa’ mwaħħal “filwaqt li ħaddieħor, anke jekk bla kwalifikazzjonijiet, baqa’ tiela. Hekk sew allura?” Jgħid ma’ din il-gazzetta li bħalu hemm ħafna nies oħrajn. “U li tweġġgħek l-aktar huwa li kulħadd itik ir-raġun u jurik simpatija, imma bir-raġun u s-simpatija tibqa’.”
Ma’ din il-linja ta’ argument jaqbel Scerri, li apparti li kien sindku ta’ Bormla, ilu attivist Laburist għal snin twal. “Nies bħali batew, kif inbidel il-Gvern lura fit-tmeninijiet. Mhux qed nesaġera. Batejna transfers, inġustizzji u anke minn promotions li ma ħadniex. Issa dawk li batew dawn it-transfers, qed jitolbu li l-inġustizzja tiġi rranġata. Imma minkejja li għaddew iktar minn sentejn minn dan il-Gvern, kull min bata inġustizzja għadu qed ibatiha, u biex tgħaxxaq min sawwatna ħa promozzjoni u għamel avvanz.”
Ġustizzja għal kulħadd. Mhux għal-Laburisti biss.
Charles Miceli ma jaqbilx wisq ma din l-idea jew lingwaġġ ta’ “Laburisti mweġġa’” u jsostni li, “rridu nitkellmu dwar ġustizzja, dwar kull min qed ibati, u mhux dwar Laburisti jew Nazzjonalisti”. Iżid jammetti imma li saru inġustizzji matul is-snin u mal-ILLUM jisħaq li, “rridu nsibu mezz kif issir ġustizzja ma’ min ġie ddiskriminat, ma’ min kien ħaqqu xi ħaġa u ma ħadhiex, hu min hu. Sew jekk inqabeż minn Gvern Laburista u sew jekk minn Gvern Nazzjonalista.”
‘Trid imqar tinforma lin-nies fiex waslu l-każi tagħhom’
Ma’ din il-gazzetta, Manwel Cuschieri qal li huwa importanti li dawk il-Laburisti li għandhom każi quddiem il-‘Grieviances Board’ jew quddiem xi Ministeru, tal-inqas ikunu nfurmati fiex wasal il-każ tagħhom. “Mill-esperjenza tiegħi, nista’ ngħidlek li n-nies japprezzaw żewġ affarijiet. L-ewwel li tkun onest u t-tieni li jħossuhom stmati billi tal-inqas ikunu nfurmati dwar fiex ikun wasal il-każ tagħhom.”
‘Ma nistgħux nipperpetwaw sistema ta’ pjaċiri’
Miceli, li huwa persuna kritika tal-Gvern preżenti magħġuna fit-twemmin xellugi u soċjalista, iwiddeb imma li “ma nistgħux nipperpetwaw sistema ta’ pjaċiri. Għax jekk naħdmu bil-pjaċiri u fuq il-pretenzjonijiet tal-individwi, żgur nibqgħu deħlin dritt fil-ħajt. Il-prijorità hija l-ġustizzja u magħha norbot il-ġustizzja soċjali. U l-ġustizzja mhux biss trid issir imma trid tidher li qed issir. Anzi jien ngħid trid tinħass ukoll.” Miceli jgħid li minkejja li tgergir dejjem se jkun hemm, dan jonqos jekk mill-‘kejk’ ekonomiku igawdi kulħadd. “La l-kejk kiber, kulħadd jistenna li jmissu biċċa akbar,” sostna Miceli.
Jekk ma noqgħodux attenti...
Minkejja li dawk id-Deputati Laburisti li tkellimna magħhom ma tkellmux fis-sens li s-sitwazzjoni hija gravi, l-eks Sindku ta’ Bormla xegħel bozza ħamra u widdeb lill-PL. “Fl-1996 ukoll kienet saret rebħa sabiħa, għalkemm mhux kbira daqs dik tal-2013. Imma noqgħodu attenti. Xi nies li spiċċaw f’kariga, illum qed jarawna dubbien u ċertu deputati qed jaħsbu li qed nesaġeraw. Imma rridu noqgħodu attenti. Qed isir ħafna ġid għall-pajjiż imma min kien imweġġa’, għadu mweġġa’ sal-ġurnata tal-lum.”