Il-Ministru Bonnici ma jgħidx jekk għandhiex tiġi regolarizzata l-industrija tas-sess

Fid-dawl tar-rapporti ppublikati fuq l-ILLUM dwar servizzi ta’ ‘escorts’, din il-gazzetta saqsiet lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici jekk il-Gvern għandux pjanijiet jew intenzjoni biex jgħaddi liġi li tirregola dawn l-attivitajiet onlajn. Saqsietu wkoll x’passi jistgħu jittieħdu biex jiġu mħarsa s-sigurtà kemm ta’ dawk li qed joffru dan is-servizz, kif ukoll il-klijenti li qed jixtru dan is-servizz. L-ILLUM staqsiet ukoll jekk hux se jiġu regolarizzati attivitajiet bħal tal-‘escorts’ ladarba din l-industrija qed topera f’pajjiżna.

Minkejja li l-ILLUM bagħtet dawn il-mistoqsijiet nhar is-27 ta’ Jannar, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici baqa’ ma rrispondiex. Dan minkejja li l-Ministeru tiegħu rrispondiena għall-mistoqsijiet oħra li konna bgħatna fl-istess jum. Fil-fatt fil-ħarġa tas-7 ta’ Frar din il-gazzetta kienet irrapurtat kif Bonnici kien qal li ‘s’issa m’hemm l-ebda liġi li tirregola l-hekk imsejħa escort services’  u li ‘l-qligħ minn fuq il-prostituzzjoni, l-abbuż tal-minuri, it-traffikar ta’ persuni u reati kriminali oħra, min iwettaqhom ikun espost għal dak li jipprovdu l-liġijiet kriminali applikabbli.’

Minkejja li konna preżentati b’dawn il-fatti, il-Gvern jidher li ma jixtieqx jikkumenta dwar x’pożizzjoni se jkun qed jieħu u f’liema direzzjoni jixtieq imur fir-rigward ta’ din il-kwiustjoni. 

Fl-aħħar żewġ ħarġiet tal-gazzetta ILLUM kienu ppublikati żewġ stejjer dwar l-industrija tal-escorts f’pajjiżna u l-industrija tas-sess inġenerali. Irrapurtajna kif hawn aktar minn 800 mara, il-biċċa ’l kbira tagħhom barranin, li qed jipparteċipaw f’din l-industrija. Fil-ħarġa tal-ILLUM tal-Ħadd li għadda kkomparajna is-sitwazzjoni legali f’Malta ma’ pajjiżi Ewropej oħra, b’sors li tkellem ma’ din il-gazzetta jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala limbu legali. Għalkemm il-prostituzzjoni minnha nnifisha mhux illegali, m’hemmx liġijiet li jirregolaw dawn l-attivitajiet. B’dan il-limbu jfisser li l-industrija ssir waħda klandestina u azzjonijiet klandestini hemm tendenzi li jsiru dominati minn elementi kriminali li jaħdmu mingħajr skrupli u limiti legali. F’dan il-limbu, wieħed ma jistax jieħu l-passi meħtieġa biex jassigura li l-ambjent fejn isiru dawn l-attivitajiet ikun nadif u sigur, li s-saħħa kemm ta’ dawk li qed joffru s-servizz u l-klijenti tagħhom hi mħarsa, li tieħu statistika biex tara kemm hi kbira din l-industrija u t-tip ta’ persuni li qed jipparteċipaw fiha u għaliex. Wieħed lanqas ma jista’ jipproteġi lin-nisa li qed joffru dan is-servizz minn esplojtazzjoni u l-klijenti tagħhom minn riskju ta’ rikatt u perikli oħra. Malta mhux waħidha f’dan, għax hemm diversi pajjiżi oħra fl-istess ilma. Fl-interess ta’ dawk il-qarrejja li segwew dawn l-istejjer, l-ILLUM xtaqet tkun taf jekk f’Malta hemmx pjanijiet li noħorġu minn dan il-limbu legali. 

Jekk mhux se nirregolarizzaw din l-industrija, se tibqa’ moħbija u allura tħalli persuni suxxettibbli għall-abbużi u r-riskji

L-ILLUM tkellmet ma’ persuna involuta f’din l-industrija, li xtaqet tibqa’ anonima, qalet li tixtieq li l-industrija tiġi regolarizzata. Qalet ukoll li tħoss, “li wasal iż-żmien li noħorġu rasna minn ġor-ramel u niffaċjaw ir-realtà u ma nibqgħux nippretendu li dawn l-affarijiet mhumiex jiġru madwarna.” Qalet li “wasal iż-żmien li naċċettaw li dawn l-attivitajiet mhux se nwaqqfuhom għax fejn hemm servizz li xi ħadd irid jixtri u li xi ħadd ieħor lest li joffri, din l-attività se tkompli. Wasal iż-żmien li naċċettaw li jekk mhux se nirregolarizzaw din l-industrija, din se tibqa’ moħbija u allura tħalli persuni suxxettibbli għall-abbużi u r-riskji għal dawk li jipparteċipaw fiha u l-familji tagħhom.” Qaltilna li rridu naċċettaw li fil-ħajja, nies differenti għandhom morali u valuri differenti u rridu nkunu kemm jista’ jkun inklużi u ma nkomplux nemarġinaw aktar u aktar membri tas-soċjetà. “Għamilna ħafna progress soċjali f’oqsma oħra tas-soċjeta. Għaliex mhux din?” temmet tgħid.

More in Politika