F’ġieħ is-sewwa, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu, b’mod immedjat, jgħid eżatt meta Konrad Mizzi fetaħ il-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama. Din hi l-mistoqsija li qed jagħmel kulħadd u jeħtieġ tweġiba għaliha sa qabel tintemm il-votazzjoni għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, fejn Konrad Mizzi qed itellaq waħdu wara li l-Prim Ministru biddel l-istatut tal-partit biex jaqdih.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel mistoqsija waħda li jistenna tweġiba għaliha: “Meta twaqqfet il-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama?” Beppe Fenech Adami qal li f’dan il-mument, wara li ġew żvelati l-kumpanija sigrieta fil-Panama u t-trust sigriet fi New Zealand, il-Prim Ministru għandu jwieġeb din il-mistoqsija bla aktar dewmien u bla tidwir mal-lewża.
Beppe Fenech Adami spjega kif żviluppaw l-affarijiet fl-aħħar ftit siegħat, b’dettalji ġodda ħerġin kull ftit siegħat, liema dettalji jpoġġu dubji kbar dwar kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi.Beppe Fenech Adami qal li Konrad Mizzi, min jeddu, għażel li jiftaħ kumpanija sigrieta u fond sigriet in-naħa l-oħra tad-dinja. Hu staqsa għalfejn għażel li jiftaħ dawn il-kumpaniji u fondi n-naħa l-oħra tad-dinja meta Malta stess hija ċentru għal dawn is-servizzi.
Hu fakkar li minn meta Joseph Muscat ħatar lil Konrad Mizzi Ministru, dan kien responsabbli għal bosta deċiżjonijiet kontroversjali minħabba l-ħabi u n-nuqqas ta’ trasparenza.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li "Simon Busuttil tant huwa beżżiegħ li ma kienx lest jiffaċja lill-mezzi tax-xandir dwar l-allegazzjonijiet malafamanti li għamel fil-konfront ta’ Konrad Mizzi ilbieraħ filgħaxija fil-Parlament. Dan wara li ilu għoxrin siegħa jaħrab mill-isfida tal-Ministru Mizzi li jirrepeti pubblikament dak li qal ġewwa l-Parlament."
Quddiem il-mezzi tax-xandir Simon Busuttil għażel li jibgħat lil Beppe Fenech Adami. Il-Viċi Kap Nazzjonalista wkoll ma kienx lest jirrepeti dak li qal il-kap tiegħu fil-Parlament. Mistoqsi mill-ġurnalisti darba, darbtejn, tlieta, Fenech Adami wieġeb biss li Simon Busuttil qal dak li qal fil-Parlament.
Il-Kap Nazzjonalista kien komdu jitkellem taħt privleġġ parlamentari fejn ħadd ma jista jieħu passi kontrih. Iżda issa qed jibża jgħid l-istess kliem barra għaliex jaf li jkollu jerfa’ r-responsabbilità u jiffaċja l-konsegwenzi.
L-isfida tal-Partit Laburista lejn il-Kap tal-Opppożizzjoni tibqa miftuħa.