Baqgħu lampa stampa u mingħajr ġustizzja
Dawk li sofrew inġustizzji aktar minn 7 snin ilu baqgħu b'xiber imnieħer...L-ILLUM tibgħat numru ta’ mistoqsijiet imma tiġi njorata
minn Albert Gauci Cunningham
Numru ta’ nies li marru għand wieħed mill-Grievances Units li hemm f’diversi Ministeri, mhux talli ma kellhomx l-inġustizzja li sofrew fuq il-post tax-xogħol rimedjata, talli rċevew ittri li nfurmawhom kif wara li nstemgħet ix-xhieda, l-istess unit waqqaf il-każ u mhux se jipproponi rimedju. Dan minħabba li l-inġustizzja seħħet iktar minn seba’ snin ilu, kif ġew mgħarrfin dawn il-persuni.
Minkejja dan, it-termini ta’ gwida tal-istess units kienu jitkellmu b’mod ċar. Anke jekk kienu jispeċifikaw li l-każi li se jinstemgħu se jkunu dawk li jmorru sa seba’ snin ilu, kienu jispeċifikaw ukoll li se jkunu kkunsidrati dawk l-inġustizzji li seħħew qabel u li l-effett tagħhom baqa’ jinħass, u l-persuna tbati minnhom f’dawn l-aħħar seba’ snin. Dawn it-termini kienu pubbliċi u ntbagħtu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar.
Minkejja li ġimgħa ilu l-ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-istess Cutajar, bqajna bla risposta. Dan anke jekk din il-gazzetta bagħtet email oħra u għamlet diversi telefonati biex tfakkar lill-Kap tas-Segretarjat ta’ Cutajar li kienet qed tistenna risposta.
‘Għalfejn semgħu l-każ la kienu jafu li mhux se jagħtuni rimedju?’
Persuna li tkellmet mal-ILLUM u li kienet evidentement irrabjata, staqsiet għalfejn il-Grievances Unit tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetá Soċjali sema’ l-każ tiegħu jekk kien jaf li mhux se jagħtih rimedju minħabba li l-każ kien preskritt.
Fl-ittra li din il-persuna wriet lill-ILLUM hemm miktub hekk: “Mix-xhieda u minn dak li ġie mistħarreġ, il-unit ra li ma jista jagħmel l-ebda rakkomandazzjoni hekk kif l-inġustizzja tmur aktar lura minn seba’ snin, hekk kif stipulat fiċ-ċirkolari maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.”
Minkejja dan, din l-ittra jidher li ħalliet barra parti importanti miċ-ċirkolari tall-istess uffiċċju.
Iċ-ċirkolari, ppublikata nhar il-25 ta’ Settembru 2014 kienet tgħid b’mod ċar li anke dawk li sofrew inġustizzja qabel is-seba’ snin stipulati jistgħu japplikaw biex ifittxu rimedju. Fil-fatt, l-istess parti taċ-ċirkolari kienet riprodotta fi stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Din, fi kliem aktar sempiċi, kienet tgħid hekk: “Dawn il-Grievances Units se jkunu qed jistħarrgu talbiet dwar allegati inġustizzji li seħħew fis-seba’ snin li għaddew kif ukoll talbiet dwar inġustizzji li jkunu seħħew qabel dan il-perjodu imma li l-konsegwenzi tagħhom affettwaw negattivament lil min ikun qed iressaq it-talba matul is-seba’ snin li għaddew.”
Din iċ-ċirkolari kienet indirizzata lis-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u kapijiet ta’ entitajiet tal-Gvern.
‘M’hemmx ħtieġa ta’ stħarriġ jew rakkomandazzjoni’
Intant, f’ittra oħra li ħarġet mill-Grievances unit tal-Ministeru għall-Enerġija u Saħħa, il-persuna li kienet ressqet il-każ tagħha fl-2014 kienet infurmata li “ġaladarba l-każ imur lura aktar mis-seba’ snin stabbiliti, la kien hemm il-ħtieġa jagħmel stħarriġ u lanqas rakkomandazzjoni.”
Għal darb’oħra l-effett li kellu l-każ fuq din il-persuna, li fil-fatt għadha taħdem fl-istess post tax-xogħol, kien kompletament injorat.
L-ILLUM baqgħet bla risposti
Din il-gazzetta bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-Kap taċ-Ċivil u s-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar dwar dawn l-ilmenti. Minkejja li l-mistoqsijiet intbagħtu nhar l-Erbgħa 17 ta’ Frar li għadda, sakemm morna għall-publikazzjoni konna għadna bla risposta.
L-ILLUM staqsiet fuq liema kriterji kien deċiż li ma jinstemgħux każi li ġraw iktar minn seba’ snin ilu. Staqsiet ukoll lil Cutajar biex jispjega aħjar xi tfisser il-parti li tgħid li persuna tista’ tressaq il-każ tagħha jekk f’dawn l-aħħar seba’ snin baqgħet tbati mill-inġustizzja li saret qabel. Staqsiet kif se jkun determinat li inġustizzja affetwat lil persuna negattivament f’dawn l-aħħar snin.
Finalment, l-ILLUM staqsiet ukoll jekk xi ħadd li sofra inġustizzja fuq il-post tax-xogħol seba’ snin ilu u għadu fl-istess post tax-xogħol illum, għandux dritt li jkollu l-każ tiegħu quddiem il-Grevances Unit u li jingħata rakkomandazzjoni għal rimedju jekk ikun pruvat li seħħet inġustizzja.