Il-Laburisti jgħidu lil Konrad, ‘ħu ħsiebna’
Fl-istħarriġ online tal-illum.com.mt tal-ġimgħa l-oħra
More in Politika
Fl-istħarriġ online tal-illum.com.mt tal-ġimgħa l-oħra
Għal darb’oħra l-għajta ta’ dawk li jappoġġjaw lill-Partit Laburista hija ċara. Sal-ħin li għalaqna l-istħarriġ fuq illum.com.mt il-Ħamis li għadda, ftit ħin qabel Konrad Mizzi kien elett Deputat Mexxej tal-PL, il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li kienu vvutaw, iħossu li l-ewwel prijoritá ta’ Mizzi fil-kariga tal-PL għandha tkun li jieħu ħsieb lil sezzjoni ta’ Laburisti.
Fil-fatt kienu 69% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ li huma tal-fehma li l-ewwel prijoritá ta’ Mizzi għandha tkun li jieħu ħsieb lil dawk il-Laburisti li jinsabu mweġġgħin jew diżappuntati minħabba esperjenzi personali. Kienu 16.3% biss li stqarrew li Mizzi għandu jaħdem biex jerġa’ jikkonvinċi lil dawk l-iswitchers li tbiegħdu mill-Partit.
Ir-relazzjoni tal-partit mal-mezzi tax-xandir ma jidhirx li hija ta’ wisq prijoritá fost dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ tal-illum.com.mt. Fil-fatt kienu biss 5.3% li jħossu li din għandha tkun il-prijoritá ta’ Mizzi bħala Deputat Mexxej.
Dan ir-riżultat ma jiġix bħala sorpriża u huwa biss konferma tal-artiklu fuq din il-gazzetta u l-istħarriġ tal-gazzetta oħt, il-MaltaToday. L-istħarriġ żvela kif 10% ta’ dawk li jqisu ruħhom bħala votanti tradizzjonali Laburisti tant huma rrabjati li kieku ssir elezzjoni illum, ma jivutawx. L-ILLUM staqsiet erba’ persuni dwar dan il-fenomenu ta’ Laburisti rrabjati u erba’ deputati Laburisti. L-aktar ilmenti komuni kienu inġustizzji tal-passat li baqgħu mhux rimedjati u l-problema tal-‘housing’, b’waiting list li bħalissa tlaħħaq it-3,000 persuna.