Simon irid il-1 tal-Għawdxin: In-Nazzjonalisti nkwetati li m’għandhomx preżenza f’Għawdex

F’Ta’ Sannat, uffiċjali tal-PN esprimew tħassib li f’Għawdex il-partit għadu ‘mwaħħal’

 

L-ILLUM hija nfurmata li waqt laqgħa li saret fil-Każin tal-PN f’Ta’ Sannat għall-kunsilliera, membri tal-Kumitati Sezzjonali u l-kandidati kollha tal-PN, kien espress it-tħassib li f’Għawdex, il-PN għadu “mwaħħal” u ma jidhirx li qed jagħmel avvanz elettorali, bħal f’Malta. Minħabba dan, il-partit mistenni jintensifika, bil-qawwa kollha, l-preżenza tiegħu f’Għawdex filwaqt li qed tkun ikkunsidrata b’serjetà li għall-elezzjoni li ġejja, wieħed mill-kandidati tal-PN fuq Għawdex ikun il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

Huwa mifhum li fost in-Nazzjonalisti f’Għawdex, bħalissa teżisti biża’ li dan id-distrett jista’ jerġa’ jiddetermina r-riżultat elettorali f’każ li dan ikun wieħed qrib. Fil-laqgħa, dawk preżenti kienu infurmati kif tmiem il-ġimgħa li ġej, Simon Bususttil se jkun qed iqattgħu f’Għawdex, idur man-nies u ma’ eksvotanti jew votanti potenzjali tal-PN. Huma kienu infurmati wkoll li l-partit ma jixtieqx li Busuttil ikun akkumpanjat minn kandidati tal-PN fuq dan id-distrett.

Dawk li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif il-PN f’Għawdex huwa mifni b’piki bejn dawk li jappoġġjaw lil Chris Said u dawk li kienu jappoġġjaw lil Giovanna Debono. Jidher li din il-pika niżlet f’kull livell tal-partit f’dan id-distrett, saħansitra f’ċerti Kunsilli Lokali.

Is-sorsi ta’ din il-gazzetta qalu li l-PN qed jittama li b’kandidatura fuq Għawdex, Busuttil ikun jista’ jimmobilizza lill-attivisti tiegħu u jerġa’ jikseb il-maġġoranza li tilef fl-2013.

L-ILLUM hija nfurmata wkoll li din il-mossa mhi qed togħġob xejn lil Chris Said u lil dawk li jappoġġjawh hekk kif inhu fatt magħruf li dan jikseb il-maġġoranza assoluta tal-voti ta’ dawk il-Maltin li jivvutaw Għawdex. Dawn qed jibżgħu li b’Busuttil bħala kandidat, Said jista’ jitlef ħafna minn dawn il-voti u jitfa’ f’periklu l-bażi politika tiegħu f’Għawdex.

Dawk li huma midħla sew tal-PN f’Għawdex, jafu bħala fatt li l-pika bejn in-nies ta’ Giovanna u dawk ta’ Said hija tali, li ma jivvutawx lil xulxin. B’hekk, f’xenarju li dejjem qed isir aktar possibbli, li Busuttil jikkontesta fuq it-13-il distrett, Said u n-nies tiegħu qed jibżgħu li se jitilfu persentaġġ qawwi ta’ voti.

Min-naħa l-oħra, dawk li dejjem taw l-appoġġ lil Debono, li mhux se tikkontesta l-elezzjoni u li bħalissa tinsab f’nofs kawża fil-Qorti wara li kien żvelat il-każ ta’ xogħlijiet għall-voti, bħalissa qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kandidat ġdid tal-PN, Ryan Mercieca. Minkejja dan, dawk li dejjem kienu wara Debono, qalulna s-sorsi, xorta jħossu li jeħtieġ preżenza ta’ kandidat ta’ statura iktar kbira f’Għawdex.

Il-laqgħa ġiet indirizzata minn Paul Buttigieg, Joseph Sultana u Brian Azzopardi u għaliha, mill-kandidati attendew biss Ryan Mercieca u Chris Said. 

More in Politika