‘Malta jaqblilha li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE’
L-ILLUM titkellem mal-Kap tal-Uffiċċju Malti tal-Parlament Ewropew Peter Agius dwar l-għażla tar-Renju Unit, barra jew ġewwa l-UE u r-riperkussjonijiet li din id-deċiżjoni tista ġġorr
minn Albert Gauci Cunningham
“Naħseb Malta jaqblilha jekk ir-Renju Unit jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea għax dan jaf ikun alleat ewlieni f’ċerti sfidi tal-UE stess fil-futur.” Hekk sostna mal-ILLUM il-Kap tal-Uffiċċju Malti tal-Parlament Ewropew Peter Agius, li qal ukoll kif tkun l-UE kollha kemm hi li tinbidel jekk il-poplu tar-Renju Unit jagħżel li l-pajjiż għandu jitlaq.
Fil-fatt, għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta Agius qal li r-riperkussjonijiet li jista’ jkollha BREXIT fuq pajjiżi oħra fl-UE fejn bħalissa hemm sentiment anti-UE, huwa “territorju mhux magħruf.” Agius jisħaq li kollox se jkun qed jorbot ma’ kif, f’dan ix-xenarju ipotetiku, l-UE taġixxi. “L-Unjoni trid tiddeċiedi jekk tridx tgħaddi messaġġ ta’ deterrent, ta’ konsolidament tad-drittijiet ta’ sħubija jew ta’ kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet mar-Renju Unit bl-anqas tibdil possibbli f’xenarju post-sħubija.”
Dwar ir-riperkussjonijiet li jista’ jkollu vot favur il-BREXIT fuq Malta u dawk il-Maltin li jgħixu fil-pajjiż, Agius, filwaqt li reġa’ saħaq li Malta jaqblilha li jkollha alleat fl-UE, qal ukoll li jkun aħjar, “ninnavigaw fl-istatus quo fejn Malta qed tagħmel suċċess mill-għodod u l-istrutturi tal-UE.”
Bieb miftuħ għall-attakki terroristiċi
L-ILLUM staqsiet lil Agius kemm ireġi l-argument tas-Segretarju għax-Xogħol u Pensjonijiet Ingliż Ian Duncan Smith u ta’ ħafna oħrajn, anke f’Malta, li sħubija fl-UE qed tħalli l-bibien miftuħin għal attakki terroristiċi. Huwa jfakkar li r-Renju Unit mhux parti miż-żona Shengen, “allura jibqa’ fil-kompetenza tiegħu li jinkludi l-kontrolli kollha li jħoss meħtieġa fuq persuni li jidħlu fir-Renju Unit.”
Huwa fakkar kif fid-dawl ta’ avvenimenti riċenti fiż-żona Shengen, saru tibdiliet biex ikun jista’ jikber il-kontroll fuq il-fruntieri għal sigurtà aħjar. Fil-fatt, għal bosta xhur kien hemm diskussjoni madwar l-UE kollha dwar il-bżonn li jkun hemm kontrolli ikbar fuq il-fruntiera, speċjalment wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi aktar kmieni din is-sena. F’ċerti pajjiżi, inkluż fil-Ġermanja u anke f’Malta fil-perjodu li kienet qed issir il-laqgħa taċ-CHOGM, ir-regoli tax-Shengen kienu ġew sospiżi.
Barra l-UE, l-ekonomija tar-Renju Unit tikkrolla?
Aguis ma jweġibx din il-mistoqsija b’mod dirett imma jfakkar kif l-UE għandha diversi ftehimiet ma’ ekonomiji kbar fosthom il-Ġappun, il-Kanada u fil-futur qrib mal-Istati Uniti u ċ-Ċina. “Hekk kif pajjiż joħroġ mill-UE, awtomatikament jitlef l-għodda ta’ dawk il-ftehimiet.” Huwa qal ukoll li kemm-il darba r-Renju Unit jiddeċiedi jmur għal BREXIT, ikun hemm bżonn ta’ deċiżjoni dwar liema forma ta’ qbil se jintlaħaq mal-pajjiż, jekk hux dak fuq il-mudell tan-Norveġja li tikkontribwixxi għall-baġit Ewropew u għandha aċċess għall-istess suq, jew dak Żvizzeru, fejn l-Iżvizzeri għandhom aċċess sħiħ għas-suq Ewropew imma l-Ewropej għandhom l-aċċess tagħhom limitat għas-suq Żvizzeru.
Dawk fir-Renju Unit li huma favur il-ħruġ mill-UE qed jgħidu li BREXIT se jkun qed jiftaħ il-bibien u jiffaċilità aktar in-negozju li l-pajjiż jista’ jagħmel ma’ ekonomiji emerġenti, fosthom il-Brażil u l-Indja.
Ċentralizzazzjoni jew sovranità?
Argument ieħor li jitqajjem anke f’Malta u li dwaru mistenni jkun hemm ħafna dibattitu hekk kif ikun riesaq il-mument tal-prova għal dawk li jgħixu fir-Renju Unit, huwa dak tas-sovranità, jew kemm mill-poteri ta’ pajjiż se jitħallew f’idejn l-UE. Huwa fatt magħruf li r-Renju Unit dejjem ipproteġa l-poter tal-Parlament tiegħu b’ċerta żelu. Hemm min, bħalma għamel l-artikolista u opinjonista Joe Ellis fuq din il-gazzetta, iħoss li r-Renju Unit qed ikun “prepotenti.” F’opinjoni li kiteb nhar il-Ħadd 28 ta’ Frar li għadda, Ellis jgħid li “wasal iż-żmien li għall-ġid tal-proġett Ewropew, il-prepotenza u l-ardità Brittanika titwaqqaf...min ma jemminx fil-proġett Ewropew, jistà jaqbad u jitlaq.”
Aguis x’jaħseb dwar dan? Hemm post għar-Renju Unit fl-UE? Huwa jesprimi opinjoni ħafna iktar pożittiva minn Ellis u jgħid li “fl-Unjoni hemm post għal ideat differenti.” Huwa jgħid li kulħadd jirrikonoxxi li “jaqbel aktar li nkunu flimkien għax fl-aħħar mill-aħħar, igawdu ċ-ċittadini. Naħseb li l-UE tiftaqar jekk issir idea waħda omoġenea, fejn ħadd ma jistqasi u ħadd ma’ jipproponi direzzjonijiet differenti.”