Tliet snin wara...fejn qed jeċċella u fejn qed ifalli
Analiżi tal-ILLUM dwar l-ewwel tliet snin tal-Gvern Laburista | 1 - Diżastru 10 - Eċċellenti
minn Albert Gauci Cunningham
Fid-9 ta’ Marzu 2013 il-Partit Laburista kien iddikjarat rebbieħ f’elezzjoni li kellha riżultat storiku. Il-PL immexxi minn Joseph Muscat kiseb maġġoranza ta’ 36,000 vot li l-ebda partit politiku ieħor qatt ma kiseb fl-istorja politika moderna.
Tliet snin wara, f’nofs il-leġiżlatura, iċ-ċapċip miet u l-Gvern qed jiffaċċja l-agħar mumenti tiegħu bil-każ ‘Panama’. L-ILLUM tħares lejn 10 oqsma, ħamsa minnhom fejn il-Gvern jgħaddi mit-test bil-kbir u ħamsa oħrajn fejn għadu qed ifalli anke jekk jidher li l-affarijiet qed jitjiebu, jew inkella qed ifalli bil-kbir.
Minn dan l-eżerċizzju, joħroġ ċar iżda li fl-oqsma importanti tas-saħħa u edukazzjoni, li jolqtu lill-poplu direttament u fil-ħajja ta’ kuljum, il-Gvern qed jikseb riżultati pożittivi. B’ekonomija b’saħħitha u settur tal-impjiegi b’saħħtu, flimkien ma’ progress notevoli fil-qasam tas-saħħa u viżjoni pożittiva fl-edukazzjoni, il-Gvern nistgħu ngħidu li qed jagħmel biċċa xogħol tajba f’dawk li huma bread and butter issues.
Iżda l-fallimenti u d-dnubiet tiegħu fl-oqsma tal-governanza u t-trasparenza, qed jieħdu dejjem aktar attenzjoni minn pubbliku li għalih ekonomija b’saħħtha saret meqjusa bħala n-norma. Hawnhekk il-Gvern sejjer ħażin ħafna u anke jekk mhux ħafna nies jagħmlu konnessjoni diretta bejn il-korruzzjoni u l-but, id-dellijiet li qed jintefgħu fuq il-Gvern huma mudlama u inkwetanti.
Ekonomija - 9/10
Il-pajjiż fl-aħħar tliet snin ra tkabbir qawwi ekonomiku. Malta hija fost l-aqwa pajjiżi fl-UE f’termini ta’ tkabbir u tinsab ma’ pajjiżi meqjusin bħala ġganti ekonomiċi, bħall-Ġermanja. L-aħħar ċifri juru tkabbir ta’ 6.3% fl-ekonomija matul l-2015, li jista’ jitqies fost l-akbar tkabbir fi snin twal. Apparti minn dan, skont ċifri tal-Eurostat, jeżisti ottimiżu fost il-Maltin li l-ekonomija se tkompli tikber.
Il-Gvern preżenti wera li kapaċi jimmaniġġja l-ekonomija b’mod effiċjenti ħafna. Fadal iżda faxxa konsiderevoli ta’ nies li dan it-titjib għadhom mhux qed iħossuh. Għalihom, dan it-tkabbir għadu jfisser ftit li xejn.
Turiżmu - 8/10
Fit-turiżmu, Malta qed tesperjenza rekords. L-aħħar ċifri juru li l-2016 bdiet b’żidiet qawwija. Fil-fatt, f’Jannar kienet reġistrata żieda ta’ 15% fit-turisti li ġew Malta, żieda ta’ 7% fin-nefqa (€65.3m) u żieda ta’ 9% fin-numru ta’ ljieli li qattgħu pajjiżna. Dawn iż-żidiet ikomplu fejn ħallew żidiet oħrajn matul l-aħħar xhur.
L-industrija tal-films ħalliet €100 miljun fil-pajjiż, li huwa rekord. Qed jiżdied in-negozju ta’ boutique hotels u t-turiżmu intern lejn Għawdex, li qed jesperjenza żidiet kbar ukoll.
Minkejja dan, għad hemm bżonn li jkun imtejjeb il-prodott, speċjalment f’investiment infrastrutturali tant meħtieġ f’Buġibba/Qawra. Il-Gvern jeħtieġ jiġġieled bis-serjetà l-problema ta’ abbuż fl-impjiegi fit-turiżmu.
Xogħol - 8/10
Is-suq tax-xogħol jinsab f’qagħda tajba ħafna. Il-qgħad qiegħed fl-inqas livelli li qatt kien kemm ilha tiġbor statistika l-Eurostat. B’rata ta 5.1%, Malta tikklassifika flimkien mal-Ġermanja u r-Republika Ċeka bħala t-tielet pajjiż fl-UE bl-inqas rata ta’ nies ifittxu impjieg. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa fost l-aktar baxx fi snin u fost il-pajjiżi tal-UE. L-aħħar ċifri sa Settembru 2015 juru żieda ta’ 4.2% fl-impjiegi full time, b’7,000 minn dawn imorru fis-settur privat u 38 biss fis-settur pubbliku. Kienet reġistrata wkoll żieda ta’ 650 impjieg self employed.
Il-Gvern ma ġabx il-qgħad li kien previst li se jġib, imma jifdallu jiġġieled ħafna aktar ix-xogħol prekarju u jindirizza l-pjaga ta’ xogħol abbużiv u illegali f’diversi setturi.
Edukazzjoni - 7/10
Fl-edukazzjoni, dan il-Gvern qed ikun effettiv fl-inizjattivi favur edukazzjoni inklussiva. Fost l-aktar inizzjattivi pożittivi hemm l-Alternative Learning Programme u l-ħidma tal-Gvern għal politika kontra l-bullying. Esperiment li ħadem, minkejja l-biża’, kienet definittivament il-ko-edukazzjoni. Il-Gvern wettaq xogħol estensiv ta’ manutenzjoni f’diversi skejjel u ħabbar il-bini ta’ skejjel ġodda, bl-ewwel waħda li tkun lesta għandha tkun ta’ San Pawl il-Baħar.
It-track record tajjeb tal-Gvern kien imċajpar xi ftit bil-kwistjoni tal-American University of Malta fejn kienu qamu mistoqsijiet dwar jekk hux qed jitbaxxew ċerti livelli biex ikun akkomodat dan l-investiment. Ir-riżultati tal-inizzjattivi tal-Gvern għad iridu jagħtu l-frott, jiġifieri l-ġudizzju finali għad irid ikun stabbilit.
Saħħa - 6/10
Minkejja lmenti persistenti fl-ewwel xhur, jidher li kien hemm progress notevoli fil-qasam tas-saħħa. Il-lista ta’ mediċini out of stock niżlet minn madwar 600 għal ftit waħdiet u l-lista ta’ stennija kienet imnaqqsa b’mod drastiku. Kien hemm tibdil fil-ħinijiet li fihom isiru l-operazzjonijiet u estensjoni tal-ħinijiet taż-żjarat. Il-problema ta’ pazjenti fil-kurituri hija aktar staġjonali milli permanenti, u tkabbar il-bini tal-emerġenza. Tlesta x-xogħol u infetaħ l-Isptar tal-Onkoloġija u kien iffirmat ftehim ma’ Barts u mal-Queen Mary University of London.
Din is-sena se jibdew jitqassmu l-mediċini fid-djar ta’ anzjani bi problema ta’ mobbiltà.
Il-Gvern ħabbar proġett kbir għal San Luqa, proġett relatat mas-saħħa f’Pace Grasso u ċentru tas-saħħa ġdid għaż-Żurrieq. Dawn il-proġetti, huma ambizzjużi, imma għadhom fuq karta. Ġudizzju jsir meta jibda x-xogħol u jkunu operattivi.
Ambjent - 4/10
Żgur li s-settur ambjentali mhux il-forte ta’ dan il-Gvern. Il-kwistjoni ta’ biċċa art kbira ħafna għal żvilupp fiż-Żonqor kienet waħda li affermat il-perċezzjoni li għal dan il-Gvern, l-ambjent mhux importanti, ftit biss wara li l-Prim Ministru ħareġ għonqu għall-kaċċaturi.
Il-fatt, pożittiv minnu nnifsu, li s-settur tal-bini bħalissa huwa b’saħħtu, flimkien mal-inerzja fejn jidħlu miżuri innovattivi ambjentali u Minstru li qed jidher ineffettiv, qed iwasslu biex aktar nies jaraw lill-Gvern bħala ‘tal-iżviluppaturi’.
Minkejja dan, il-Gvern għalaq il-Power Station tal-Marsa wara snin twal ta’ wegħdi, qed iżarma t-tankijiet tal-gass f’Birżebbuġa u identifika l-Inwadar bħala park nazzjonali fin-nofsinhar ta’ Malta. Wara kritika qawwija, il-Gvern naqqas konsiderevolment il-foot print tal-proġett minn Sadeen fiż-Żonqor.
Governanza - 2/10
L-akbar problema li qed jiffaċċja l-Gvern hija nuqqas ta’ governanza tajba. Tliet kwstjonijet partikolari waslu għal ħafna mistoqsijiet u dubji, bl-aħħar każ u l-akbar wieħed ikun dak dwar il-kumpanija fil-Panama ta’ Konrad Mizzi, liema kumpanija kienet iffurmata fi żmien li Mizzi kien Ministru. Dan il-każ qajjem ħafna mistoqsijiet u tefa’ dawl ikrah fuq wieħed mill-Ministri meqjus bħala ‘dak li jwettaq’ fil-kabinett.
Minbarra dan, f’dawn it-tliet snin kien hemm il-każ ta’ Gaffarena li kien fost l-agħar eżempji ta’ governanza u li fetaħ kritika qawwija lejn il-Gvern hekk kif dan irċieva €1.6 miljun għall-esproprijazzjoni ta’ parti minn proprjetà fi Triq Zekka. Magħhom jingħaqad il-każ tal-Cafè Premiere ukoll fejn il-Gvern daħal għad-dejn tal-inkwilin għall-prezz ta’ €4.2 miljun.
Il-pożittiv mill-każ Gaffarena kien li l-Gvern ħa azzjoni billi ħabbar riforma. Fil-każ tal-Panama għadu ma sar xejn biex każ bħal dan ma jirrepetix ruħu.
Trasparenza - 2/10
Teżisti idea ġenerali u popolari li l-Gvern qed jaħbi. Din hija solidifikata mill-fatt li l-Gvern għadu sal-lum m’għamilx pubbliċi fl-intier tagħhom ċerti kuntratti, fosthom tal-Enemalta u tal-proġett fiż-Żonqor. Il-kuntratt mal-ALESA għall-operazzjoni tat-trasport pubbliku kien ippubblikat wara ħafna kritika u pressjoni.
L-Oppożizzjoni qed tirkeb fuq dawn in-nuqqasijiet, fosthom ukoll il-mawra tal-Prim fl-Ażerbajġan. Dwar din il-mawra għadhom qed jitqajmu bosta mistoqsijiet li s’issa għadhom bla tweġiba sodisfaċenti. Il-kredenzjali demokratiċi tal-mexxej tal-Ażerbajġan jikkomplika aktar l-affari għall-Gvern.
Dan kollu qed joħloq perċezzjoni qawwija li l-Gvern qed jaħbi jew mhux trasparenti biżżejjed. Liema perċezzjoni ma jidhrix li qed tkun miġġielda biżżejjed.
Meritokrazija - 4/10
Il-ħolma ta’ Joseph Muscat kienet li jgħix f’pajjiż, “fejn jgħodd kemm taf u mhux lil min taf.” Jekk irridu nkunu onesti, tliet snin wara, ma nistgħux ngħidu li din il-wegħda twettqet. Lil min taf għadu jgħodd, u għal xi wħud kien jgħodd ħafna.
Kieku l-għajta meritokratika kienet segwita, il-Gvern ma kienx jdħol f’gażibi bħal ta’ Gaffarena.
Agħar minn hekk għall-Gvern iżda, hemm bosta persuni, uħud minnhom li tkellmu mal-ILLUM, li f’isem il-meritokrazija qed jistennew li jieħdu dak li ħaqqhom bi dritt, saħansitra mogħti lilhom f’xi każijiet mill-Grievances Units li ħoloq dan il-Gvern stess. Imma jistennew u jinqabżu kienu, u hekk għadhom.
Wegħdi dwar kif għandhom jinħatru nies li jokkupaw karigi pubbliċi għadhom lanqas biss ġew diskussi, aħseb u ara kemm ġew fis-seħħ.
Trasport pubbliku - 5/10
L-ewwel ftit xhur minn mindu daħlu l-Ispanjoli fit-tmun tat-Trasport Pubbliku, kienu pjuttost diżappuntanti. L-aħħar tibdiliet li seħħu, għalkemm kellhom jirrispondu għad-domanda u l-ilmenti, spiċċaw irrabjaw ħafna nies, gerfxu lil ħafna oħrajn u wasslu biex il-Ministru Joe Mizzi jitlef ħafna mill-poplarità li seta’ kellu.
Minn stħarriġ li kienet għamlet l-ILLUM jidher li kien hemm nuqqas ta’ sodisfazzjon fuq ħafna mit-tibdiliet fir-rotot madwar Malta u rabja kbira f’ċerti vened, l-aktar dik quddiem l-Isptar Mater Dei u quddiem l-Università.
Minkejja dan, il-Gvern qed jirrispondi għal dawn l-ilmenti u ħabbar bidliet f’dawn iż-żewġ vened partikolari. Jidher ukoll li fuq numru akbar ta’ rotot, il-puntwalità qed tkun osservata, speċjalment fuq rotot diretti. L-introduzzjoni tat-tallinja card kien pass fid-direzzjoni t-tajba, kif kienu ż-żidiet fil-bus lanes.