56% iriduh jibqa’, imma 42% iriduh jitlaq
Stħarriġ fuq il-gazzetta ILLUM
More in Politika
Stħarriġ fuq il-gazzetta ILLUM
Il-qarrejja tal-illum.com.mt, fil-maġġoranza tagħhom, iħossu li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jibqa’ fil-kariga Ministerjali tiegħu bil-portafoll tas-Saħħa u tal-Enerġija. Fil-fatt 1,600 persuna li ħadet sehem f’dan l-istħarriġ, jew 56%, huma tal-fehma li l-kisbiet li għamel Mizzi bħala Ministru flimkien mal-karatteristiċi tiegħu bħala maniġer tajjeb huma ċertifikat biex dan jibqa’ jżomm postu fil-kabinet.
Minkejja dan, 1,220 persuna, jew 42.5% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istess stħarriġ huma tal-fehma li Mizzi għandu jitlaq. Fost l-aktar żewġ raġunijiet popolari msemmijin fis-sezzjoni tal-kummenti tal-istess stħarriġ, bosta kienu dawk li wrew id-diżappunt qawwi tagħhom għas-saga tal-kumpanija fil-Panama, filwaqt li oħrajn urew tħassib għall-ħsara elettorali li dan il-każ ħalla fuq il-Gvern u l-Partit Laburista.
Fost il-bosta kummenti ta’ dawk li jħossu li Mizzi m’għandux jirreżenja kien hemm dak ta’ John Scicluna. Dan il-qarrej staqsa għalfejn Mizzi għandu jirreżenja. “Għax raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma? Għax qed jibni Power Station li taħdem bil-gass meta ħaddieħor ġab dik tal-BWSC? Għax neħħa l-Power Station tal-Marsa? Għax se jżarma ċ-ċumnija ta’ Delimara? Għax qed ineħħi t-tankijiet tal-gass f’Birżebbuġa? Għax se jneħħi t-tankijiet tal-fuel ta’ San Ġorġ (Birżebbuġa)?”
Fuq in-naħa l-oħra iżda kien hemm kummenti bħal dak ta’ Leonard Lombardo. Dan qal li Mizzi għandu jirreżenja illum qabel għada. “Min se jemmen li kellu €92 f’kont fil-Panama? Biex jimmaniġġjawhom dawk il-flus, ukoll trid aktar....biex tiftaħ kont hekk kellek tmur il-Panama? Il-prezz li qed inħallsu għall-fuel huwa ferm ogħla minn qabel meta tqis li l-prezz internazzjonali taż-żejt, fil-fatt huwa seba’ darbiet irħas milli kien tliet snin ilu. Dakinhar, il-prezz kien ta’ 140 dollaru kull barmil, u llum huwa 28 dollaru.”
Kienu biss 50 qarrej li ma kellhomx opinjoni dwar dak li qed jiġri bħalissa.