Jekk il-PN jerġa jkun fil-gvern se jżommu lir-Reno Bugeja?

Il-PN iżomm lura dwar Reno Bugeja

 

Minkejja l-kritika kontinwa u qawwija direzzjonata lejn il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja, l-Partit Nazzjonalista ma jridx jgħid x’irwol ikollu Bugeja fil-PBS u jekk dan iżommx postu kemm-il darba l-partit jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Bugeja ilu fil-mira tal-PN għal xhur sħaħ. F’Diċembru li għadda, il-Kelliem tal-PN għad-Drittijiet taċ-ċittadin Clyde Puli kien saħansitra akkużah b’għemil gravi meta, skont hu, ipprova jaħbi l-istorja dwar l-atteġjament tal-MP Laburista Joe Debono Grech fil-Parlament. Dakinhar, Puli kien qal li t-tmexxija tal-aħbarijiet tal-PBS mhux kredibbli u li l-istess Bugeja qed ikun manipulat minn Kastilja.

F’Mejju tas-sena l-oħra, il-Kelliem għall-Ġustizzja tal-PN, Jason Azzopardi kien qal li Bugeja kien niżel f’livelli mill-aktar baxxi meta skontu, l-aħbarijiet tal-PBS, irraporta l-kontra ta’ dak li fil-fatt kien ġara. L-istess Azzopardi kien ħeġġeġ lil dawk li huma ħbieb tiegħu fuq Facebook biex jaraw kif Reno, ‘vilment’ qaleb l-istess aħbar.

Minkejja dan, il-PN ma weġibx direttament il-mistoqsijiet tal-ILLUM dwar l-irwol li jista’ jkollu Bugeja kemm-il darba jirbaħ l-elezzjoni. Minflok, fir-risposta lil din il-gazzetta intqal li, “l-PN iħalli lill-poplu Malti u Għawdxi jiġġudika hu jekk it-tmexxija tal-PBS hijiex waħda xierqa jew le.”

L-ILLUM staqsiet lill-PN x’jista’ jkun l-irwol ta’ Bugeja, fid-dawl tal-kritika kontinwa direzzjonata lejh, fil-każ li l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Din il-gazzetta staqsiet ukoll jekk Partit Nazzjonalista fil-Gvern jarax il-possibilità li Bugeja jżomm il-kariga li għandu illum u jekk le, jekk jarax il-possibilità li jkollu rwol ieħor fil-PBS. Fl-aħħar nett, l-ILLUM staqsiet ukoll x’qed jistenna l-PN li jagħmel il-Gvern preżenti fil-konfront ta’ Bugeja.

Fir-risposta li ngħatajna, kuntrarjament għal sitwazzjonijiet passati, il-PN kien attent ħafna li ma jiftaħx il-kanuni direttament fuq Bugeja. Kelliem għall-partit spjega kif skont il-PN, “il-problema fil-PBS mhux biss dik ta’ individwi, iżda ta’ ndħil u direzzjoni ċara minn Kastilja.”  Il-PN ifakkar ukoll kif il-PBS, “diġà nstab ħati darbtejn ta’ żbilanċ kontrih.”

Intant fir-risposta tiegħu, il-PN fakkar kif impenja ruħu fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja ġdida fil-Politika’ li l-istazzjon nazzjonali għandu jkun tassew indipendenti u maqtugħ minn kull partit politiku. Din hija xi ħaġa, skont il-PN, li bħalissa ma teżistix.

Minkejja li jidher li l-PN qed iżomm lura milli jgħid b’mod ċar x’ikun il-futur ta’ Bugeja f’każ li l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, fir-risposta lill-ILLUM jgħid li “l-għażla tat-tmexxija tal-aħbarijiet u programmi kurrenti fil-PBS għandha taqa’ fuq nies indipendenti, li ma jitħallew jiġu kkontrollati minn ebda partit.”

Is-sena l-oħra, Reno Bugeja kien għamel ilment lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li fih akkuża lill-PN li qed jagħmel “kampanja sistematika kontrih.” L-Istitut kien laqa’ din it-talba u qal li l-PN kellu jfittex rimedji oħrajn qabel “isiru xi akkużi pubbliċi maħsuba biex jimminaw il-kredibbiltà ġurnalistika.”

More in Politika