Therese Commodini Cachia tingħata premju prestiġġjuż mill-Parlament Ewropew

....tirbaħ l-aħjar MPE fil-qasam tal-governanza korporattiva

L-MPE Therese Commodini Cachia
L-MPE Therese Commodini Cachia

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia rebħet l-unur prestiġġjuż tal-MEP tas-Sena għall-ħidma tagħha fil-governanza korporattiva. Hija rebħet dan l-unur waqt attività li saret l-Erbgħa filgħaxija fi Brussell, li ġiet organizzata minn The Parliament Magazine. L-attività ġabret flimkien il-membri tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea u ppremjat il-kisbiet tal-membri tal-Parlament Ewropew b’ħidmiethom.

Fid-diskors tagħha, Therese Comodini Cachia enfasizzat li l-governanza korporattiva tajba u t-tisħiħ tat-trasparenza jerġgħu jibnu l-fiduċja fl-industrija u l-ekonomija Ewropea. Qalet li jeħtieġ negozji u intrapriżi żgħar li jirriflettu l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà u li permezz tad-diġitalizzazzjoni jkunu jistgħu jibqgħu iżommu l-pass f’settur kompetittiv. Hija enfasizzat fuq l-importanza ta’ standards għoljin fil-governanza korporattiva u l-bilanċ bejn id-drittijiet u r-responsabbilitajiet tal-impjegati u min iħaddem. Qalet li governanza korporattiva effettiva hija ċ-ċavetta għas-suċċess fin-negozju.

Meta indizzat lill-parteċipanti, l-Ewroparlamenti Comodini Cachia qalet li kienet ferm kuntenta bir-rebħ tal-unur u bin-nomina, filwaqt li rringrazzjat lill-Ewroparlamentari kollha li vvutawlha. Hija awgurat ukoll lir-rebbieħa l-oħra Maltin, Roberta Metsola u Miriam Dalli. Qalet li dan huwa unur għall-poplu Malti u Għawdxi u għaliha personali. Therese Comodini Cachia ġiet innominata mill-Malta Business Bureau (MBB) u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA).

Matul dawn l-aħħar sentejn, Therese Comodini Cachia ħadmet fil-kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI), il-kumitat għall-Edukazzjoni u l-Kultura (CULT) u s-sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI). Hija ħadmet ukoll fuq numru ta’ rapporti dwar il-governanza korporattiva, id-direttiva proposta dwar kumpaniji privati magħmula minn persuna waħda, il-copyright, l-internet u n-negozji tal-familja. Comodini Cachia qed taħdem għall-ambjent ideali li jgħaqqad flimkien id-diġitalizzazzjoni u l-governanza korporattiva.

 

More in Politika