Salvu Mallia kompla fejn ħalla mal-ġurnal l-ILLUM tal-Ħadd li għadda fit-tentattivi tiegħu biex jara tibdiliet fix-xena politika Maltija. F'ittra miftuħa li bagħat liż-żewġ partiti Mallia jiddeskrivi lil Malta bħala Cindirella, mara ħassiela, bejn żewġt'aħwa koroh, li jirraġpreżentaw liż-żewġ partiti l-kbar.
F'din l-ittra li l-illum.com.mt għandu kopja tagħha huwa jiftaħ baraxx ta' kritika talli ż-żewġ partiti ħolqu 'oligarkija' bejniethom u sistema li toħnoq il-vuċi tan-nies.
F'parti mill-ittra Salvu mallia jgħid hekk: "Is-sistema li hemm illum difnet għal kollox il-leħen fjakk taċ-ċittadin bil-fanfarunati ta’ min jaħseb li għax jgħajjat ħafna għandu raġun, li l-ħtieġa għal aktar flus għamlitu ruffjan tan-negozjanti għonja, li rabbew lil dawn iż-żewġ mostri bi flushom, u li minkejja kliemhom, b’għemilhom urew li ma’ jridux jew m’għandhomx il-ħila jitilqu t-triq tal-korruzzjoni, għax hemm min qed jiġbdilhom l-ispaga. Baxx baxx bidlu d-demokrazija f’oligarkija, fejn grupp żgħir ta’nies sinjuruni jiddettaw dak li jaqbel lilhom u xejn aktar."
Huwa jkompli bi kliem Lenon 'You may say I'm a dreamer', li rkompli 'but I'm not the only one' u jgħid li "ċ-ċaqlieqa ta’ 36,000 vot fl-aħħar elezzjoni, u li eluf ta’ Maltin għażlu li jgħidu LE, mhux biss għal kaċċa, imma għall-indħil tal-partiti fid-deċiżjonijiet tagħhom, juri li l-għafsa tal-partiti qiegħda bil-mod tinħall."
Fuq il-gazzetta ILLUM li tkun għal bejgħ għada l-Ħadd se noħorġu partijiet oħra tal-ittra li Mallia bagħat liż-żewġ partiti, l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista li fiha jkompli bl-attakk fuq dak li jsejjaħlu dittatorjat tal-partiti.