Xprunata minn dikjarazzjoni mill-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli flimkien ma' kollegi oħra, il-Kummissjoni Ewropea qalet li ċ-ċentru ta’ riċerka tagħha se jkun qiegħed jiżviluppa skema volontarja ta’ assigurazzjoni biex ikunu stabbiliti l-livelli minimi ta’ kwalità għall-kura tal-kanċer tas-sider. Bil-għan li tikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea tpoġġi l-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider fuq quddiem tal-prijoritajiet tagħha, l-MEP Miriam Dalli ħeġġet lil sħabha Membri Parlamentari biex iressqu dikjarazzjoni quddiem il-Kummissjoni Ewropea. B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni qalet li se taħdem fuq linji gwidi ġodda biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ testijiet ta’ mammography screening fuq bażi nazzjonali. Bil-għan li l-attenzjoni ma tibqax iffukata biss fuq l-iscreening, il-Kummissjoni Ewropea qalet li se tiżviluppa pjattaforma ta’ linji gwida. Se tkun qed isir aktar emfasi fuq it-trattament,rijabilitazzjoni u follow-ups. Dawn jinkludu appoġġ psikoloġiku u kurapalljativa.
“Il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tieħu dan is-suġġett b’aktar serjetà huwa diġà pass pożittiv minnu nnifsu. Aħna l-politiċi, flimkien maċ-ċittadini, irridu nkomplu nagħmlu pressjoni biex il-linji gwidi jiġu implimentati u segwiti fil-pajjiżi, inkluż f’Malta,” qalet Miriam Dalli. Dr Dalli emfasizzat li l-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rakomandazzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jimxu fuqhom biex jimplimentaw screening nazzjonali u taqsimiet speċjalizzati b’rabta mal-kanċer tas-sider. “Nemmen li dan għandu jsir malajr kemm jista’ jkun u naqbel li tinżamm id-data tal-aħħar tal-2016 skont kif tlabna bħala Parlament Ewropew,” qalet il-MEP Maltija.
Fl-2015, il-kanċer tas-sider ħasad il-ħajja ta’ 91,000 ċittadina tal-UE. Fl-istess sena il-kanċer tas-sider instab f’367,090 mara.
“M’għandniex nieqfu biss fuq dawk li jġarrbuh. Ta’ madwarhom jgħaddu minn trawma wkoll. Apparti t-trattament adegwat lill-vittmi jeħtieġ li tingħata għajnuna psikoloġika lil qrabathom. Inħoss li l-Kummissjoni mhux tagħmel biżżejjed f’dan ir-rigward. Nifhem li s-saħħa hija kompetenza tal-Istati Membri imma l-Kummissjoni għandha rwol ta’ gwida importanti f’qasam bħal dan.”
Dr Dalli kienet il-firmatarja oriġinali tad-dikjarazzjoni msemmija li ġabret l-appoġġ tA’aktar minn nofs il-Membri Parlamentari Ewropej.