Iktar minn €730,000 għad-ditta ta’ Fenech taħt Gvernijiet tal-PN
Georg Sapiano u Borg Cardona fost l-aktar li jissemmew f’lista ta’ konsulenzi mogħtija min-Nazzjonalisti
minn Albert Gauci Cunningham
Minn informazzjoni mqiegħda fil-Parlament matul din il-ġimgħa, jirriżulta li d-ditta legali Fenech & Fenech Advocates li tagħha Anne Fenech, hija Managing Partner, rebħet b’xejn inqas minn €731,400 f’kuntratti matul is-snin minn ħames entitajiet differenti taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
L-akbar numru ta’ kuntratti li rebħet id-ditta tal-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN, huwa fl-Airmalta fejn rebħet 151 kuntratt bejn l-2004 u l-2012. B’kollox, din id-ditta legali ngħatat ħlas ta’ €510,771 għal dan ix-xogħol. Din iżda hija parti biss mill-parti ħafna ikbar ta’ kuntratti, il-maġġor parti tagħhom b’direct order, li rebħet l-istess kumpanija. Dawn il-flus marru għal konsulenzi u pariri legali fuq diversi kwistjonijiet fosthom il-falliment tal-Azzurra Air u l-bejgħ tal-ajruplani tat-tip RJs.
Bejn l-2011 u l-2012, l-istess kumpanija rebħet disa’ kuntratti għal konsulenza legali fil-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura, b’valur totali ta’ €21,445. L-akbar ammont mill-ħlas imur għal xogħol għal bidliet relatati mal-liġijiet taċ-ċensura. Fil-każi ta’ dawn, ma jissemmiex jekk il-kuntratti ingħatawx b’sejħa jew b’direct order, għalkemm it-tagħrif jindika li ħafna minn dawn il-konsulenzi kellhom l-approvazzjoni tas-Segretarju Parlamentari.
Informazzjoni oħra mpoġġija fuq il-mejda tal-kamra mill-Ministru Joe Mizzi turi kif f’dik li kienet l-Awtorità Marittima Maltija, il-kumpanija Fenech and Fenech rebħet b’€85,557 f’xogħol ta’ konsulenzi. Dawn jitqassmu f’€18,963 bejn l-2002 u l-2003, €12,581 bejn l-2006 u l-2007, €7,477 fl-2008 u €46,536 fl-2009.
Mill-istess Ministeru u f’xogħol ta’ konsulenza, din id-darba għal Transport Malta il-kumpanija Fenech & Fenech kellha b’€117,981 f’xogħol li mhux magħruf ingħatax b’tender jew direct order. Dan l-ammont jinqasam f’sentejn, €30,735 fl-2011 u €87,245 fl-2010.
€107,000 f’direct orders mill-Ministeru tal-Finanzi
Intant, l-istess ditta kienet ingħatat b’kollox ħames kuntratti b’direct order mill-Ministeru tal-Finanzi bejn l-2009 u l-2013. B’kollox, dawn ilaħħqu l-valur ta’ €106,872 lill-kumpanija ta’ Fenech. Fl-2009 rebħet kuntratt ta’ €1,866 fi spejjeż legali relatati ma’ għamara fl-Isptar Mater Dei. Fl-2010 u l-2011 ingħatat €7,953 u €16,346 rispettivament f’konsulenzi għall-industriji kreattivi, filwaqt li Fenech and Fenech rebħu żewġ kuntratti oħrajn b’direct order ta’ €56,812 u €23,985 fl-istess qasam.
Direct orders fil-qasam tal-kultura
Il-kumpanija li fiha Ann Fenech hija Managing Partner rebħet ukoll kuntratti ta’ xogħol b’direct orders fil-qasam tal-kultura. Fl-2009 u l-2010, id-ditta rebħet żewġ konsulenzi b’valur ta’ €5,555 fil-Kunsill tal-Arti. Konsulenzi iżgħar kienu f’Heritage Malta fl-2011 u fl-ewwel tliet xhur ta’ Marzu.
Sapiano u Borg Cardona, fost l-aktar ismijiet komuni fil-lista
Minkejja li l-kumpanija li fiha hija partner Fenech tissemma diversi drabi, il-listi li s’issa kienu preżentati fil-Parlament, isemmu bosta ditti u persuni oħrajn diversi drabi.
Skont iċ-ċifri mpoġġija, Andrew Borg Cardona rċieva €104,000 f’konsulenzi jew xogħol relatat mal-AirMalta. Dan anke jekk dak preżentat fil-Parlement ma jiddefinixix għaliex sar ix-xogħol. Isemmi biss lil Borg Cardona u kemm irċieva għax-xogħol kull sena. Skont l-istess ċifri li ppreżenta l-Ministru Edward Zammit Lewis, dan l-avukat, magħruf ukoll għall-appoġġ li jagħti lill-PN ngħata €5,823 kull sena bejn is-sena 2000 u l-2010. Fl-2011 ingħata b’€11,955 u €14,000 fl-2012 u fl-2013.
Bejn l-2006 u l-2013, Borg Cardona ngħata 19-il biċċa xogħol b’direct order b’valur ta’ €6,678. B’kollox, l-istess Borg Cardona rebaħ 16-il biċċa xogħol kollha b’direct oder minn Heritage Malta, l-Orkestra Nazzjonali u ċ-Ċentru ta’ Kreattività. Rebaħ sitt direct orders ukoll bejn l-2009 u l-2011 fil-Malta Stock Exchange għal valur ta’ ftit aktar minn €2,000.
Ismijiet oħrajn li jissemmew ħafna huma ta’ Georg Sapiano u l-kumpanija Aequitas Legal, li fiha l-istess Sapiano huwa sieħeb. Mill-Ministeru tal-Finanzi għal xogħol fl-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà (OHSA) bejn l-2002 u l-2007, Sapiano ingħata ħames kuntratti wara sejħa pubblika. Bejn l-2008 u l-2012, ingħataw ħames biċċiet xogħol oħrajn lil Aequitas Legal. B’kollox, il-valur ta’ dan ix-xogħol jaqbeż il-€222,000.
Fi tliet snin u tliet xhur, f’konsulenzi minn Transport Malta, il-kumpanija li fiha Georg huwa sieħeb ingħata bi ftit inqas minn €242,000 f’xogħol.
Din l-informazzjoni ngħatat lill-Parlamnet għall-mistoqsijiet lil diversi Ministri mid-Deputat Laburista Godfrey Farrugia.
Fenech & Fenech – konsulenzi
Airmalta (2004-2012) - €510,771
Ministeru tat-Turiżmu (2011-201) - €21,445
Eks-Awtorità Marittima Maltija (2002-2009) - €85,557
Transport Malta (2010-2011) - €117,981
Ministeru tal-Finanzi (2009-2013) - €106,872
Heritage Malta/Kunsill tal-Arti (2009-2013) - €6,823
Georg Sapiano/Aequitas Legal
Minsteru tal-Finanzi – (2002-2012) - €222,000
Transport Malta (2010-Marzu 2013) - €241,889