'Il-Labour għandu bżonn jitnaddaf mill-opportunisti'

Karm Farrugia jgħid hekk mal-ILLUM: “Hemm minoranza li qatt ma kienet Laburista, li qatt ma ħadmet għall-fqir u għaż-żgħir, li qiegħda fil-partit sakemm l-affarijiet sejrin tajjeb”

“Bl-ekonomija soda kif inhi u s-suċċessi li qed jikseb il-pajjiż, il-Partit Laburista missu qed jgħaddi lill-PN b’15% mhux qiegħed ras imb’ras miegħu.” Qal dan l-ekonomista xellugi Karm Farrugia meta mitlub jikkumenta dwar is-sitwazzjoni politika ta’ bħalissa, fid-dawl ukoll tal-istħarriġ li ppublikat il-gazzetta MaltaToday nhar il-Ħadd li għadda. Huwa ma jdurx mal-lewża u mal-ILLUM jagħmel twissija politika ċara biex il-Partit Laburista jitnaddaf kemm jista jkun malajr minn dawk li hu jsejħilhom “opportunisti.”

Minkejja li bħalissa l-PL jinsab f’qiegħ f’dak li hu appoġġ popolari, meta kkumparat mal-maġġoranza qawwija li segwietu għal snin qabel tatu rebħa b’maġġoranza ta’ 36,000 vot, Farrugia jagħti parir lill-Prim Ministru. “Kieku jien kont Joseph Muscat u għad għandi sentejn ċans biex nirranġa l-affarijiet, nagħmel tindifa fil-partit.” Huwa jkompli jgħid li “hemm bżonn li jitneħħew ċerta nies mill-partit.”

Imma din it-tindifa mhux qed isseħħ kmieni wisq, tliet snin biss wara rebħa hekk kbira? Tistaqsi l-ILLUM, “Mhux talli mhux kmieni wisq, talli din it-tindifa missha saret ilbieraħ,” iwieġeb mill-ewwel Farrugia.

Hawnhekk huwa jwissi kif “hemm minoranza li qatt ma kienet Laburista, li qatt ma ħadmet għall-fqir u għaż-żgħir, li qiegħda fil-partit sakemm l-affarijiet sejrin tajjeb, while the going is good.”  Huwa jgħid li ladarba l-Partit Laburista ma jibqax fil-Gvern, u allura ma jkunx għad fadal x’tieħu, din l-istess minoranza ma’ tibqax qrib il-partit. “Sakemm hemm l-opportunità, dawn se jibqgħu, malli l-opportunità tisfaxxa, jgħosfru.”

Farrugia jagħmel referenza għar-riżenja ta’ Anġlu Farrugia ftit qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u jgħid li “hemm min, illum qed jagħmel ħafna iktar ħsara milli għamlu l-kummenti ta’ Anġlu Farrugia u li wasslu għar-riżenja tiegħu.”

L-ILLUM tistaqsi lil Farrugia x’jaħseb li hija s-sitwazzjoni ta’ Joseph Muscat fir-realtà politika preżenti. Huwa jwieġeb li jemmen li bejnu u bejn ruħu Muscat għandu jistaqsi x’inhu l-aħjar għall-pajjiż u għall-partit. “Jekk mhux se jdur dawra madwaru Muscat, il-PN jirbaħ by default. Din hija xi ħaġa reali ħafna. Imma għad hemm żmien biżżejjed biex il-karozza li bħalissa qiegħda fi sqaq, tibda toħroġ minnu.”

 

 

More in Politika