Fl-intervent tiegħu fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech qal illi l-Prim Ministru Joseph Muscat jeħtieġ jifhem li Konrad Mizzi u Keith Schembri tradew il-fiduċja tiegħu. Fenech fakkar illi Keith Schembri kien il-persuna ewlenija u wieħed mill-aktar nies prominenti fil-Partit Laburista. "Il-Gvern qed jinjora r-raġuni għalfejn saret din il-mozzjoni. Il-Gvern qed jagħmel ħsara kbira permezz tal-każ tal-Panama" sostna Fenech li qal ukoll illi dan kellu jkun Gvern trasparenti, "mhux ta’ min jiekol biss minn ġewwa."
Huwa qal li ma kienx hemm għalfejn il-pajjiż jasal s’hawn u fakkar kif fl-Iżlanda l-PM rreżenja. Fid-dawl ta' dan Fenech sostna li "Konrad u Keith kellhom jitilqu immedjatament." Muscat elevahom għall-id il-leminija u xellgija tiegħu u dan jrid jifhem li "dawn tradew din il-fiduċja" kompla jgħid Fenech.
Fenech fakkar li Muscat, Schembri u Konrad Mizzi marru l-Azerbaijan jinnegozjaw għaż-żejt, fejn kien hemm, skont dak li qal l-Awditur "intervent dirett mill-Ministru. Din is-segretezza saret ma’ wieħed mill-aktar presidenti korrotti tad-dinja."
Huwa kkritika lid-Deputati tal-Gvern li mhux qed jitkellmu dwar il-każ Panama u qal ukoll li qed tingħata l-impressjoni li biex tkun pożittiv trid toqgħod tfaħħar lill-Labour il-ħin kollu.
Il-Parlament qed jiddiskuti mozzjoni ta' sfiduċja fil-Gvern mressqa mill-POppożizzjoni Nazzjonalista