‘Flusi ninvestihom fil-familja mela fil-partit’
...hekk jaħsbu 54.8% tal-qarrejja tagħna imma 12% lesti jagħtu flus lill-PN “għax ħaqqu kull għajnuna”
minn Albert Gauci Cunningham
L-iskema ta’ self li ħareġ biha l-Partit Nazzjonalista ma tantx niżlet tajjeb ma’ ħafna mill-qarrejja tagħna, għalkemm fl-istħarriġ tal-ġimgħa l-oħra li sar fuq is-sit illum.com.mt il-maġġoranza assoluta tal-qarrejja huma kontra skema ta’ self simili, kemm jekk ġejja mill-PN u anke jekk ġejja mill-Partit Laburista.
Mill-1,520 vot li daħlu, kważi 55% qalu li flushom jinvestuhom fihom infushom jew fil-familja tagħhom, mhux fil-partit. Għalkemm l-istħarriġ mhux wieħed xjentifiku dan jista jindika illi n-nies illum huma inqas lesti li jdaħħlu jdejhom fil-but u jagħtu mill-flus li jaqilgħu minn xogħolhom lill-partit preferut tagħhom. Fil-fatt, fl-aħħar snin jidher illi minkejja li ż-żewġ partiti għadhom jiġbru ammonti konsiderevoli f’kull maratona li jorganizzaw, it-total miġbur huwa bil-wisq il-bogħod minn dak li jinġabar waqt attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi bi skop filantropiku jew ta’ karita’.
Intant, kienu biss 11% tal-qarrejja li esprimew ir-rieda tagħhom li jagħtu flus lill-PN għax dan il-partit “ħaqqu kull forma ta’ għajnuna.” B’kollox kienu 445-il persuna li qalu li ma jaslux jagħtu flus lill-PN għax jibżgħu li jibqgħu mingħajr dak li jkunu sellfu.
L-iskema ta’ self lill-PN kienet fil-mira ta’ kritika, mhux biss mill-Partit Laburista iżda minn bosta opinjonisti u persuni oħrajn. Fost dawn kien hemm Carmel Cacopardo illi, f’artiklu li deher fuq is-sit inewsmalta qal illi din l-iskema ta’ self tal-PN “tmur kontra r-regoli bażiċi tal-etika politika. Hi skema maħduma minn avukati u accountants biex jgħattu x-xtur tal-politiċi.” Cacopardo jikkritika wkoll il-fatt illi l-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti mressqa mill-Gvern għax jgħid li “ma tipprovdix biex skema bħal din ma tkunx tista’ tiġi wżata kontra l-ħasil ta’ flus maħmuġin.”
Kritika oħra saret minn negozjant irtirat u opinjonista Tony Zammit Cutajar, li iktar kmieni din il-ġimgħa fuq il-ġurnal The Times qal illi l-iskema tal-PN “jidher li hija mod deliberat kif iddur mal-ispirtu tal-liġi” u qal ukoll illi l-iskema hija eżempju ieħor, apparti l-każ tal-kumpanija ta’ Mizzi fil-Panama, “ta’ dak li jista jkun legali iżda li mhux korrett.” Persuna oħra li kritikat l-iskema tal-PN, kif fil-fatt irraportat l-illum.com.mt ukoll hija l-avukat Anna Mallia. Din kienet qalet illi hemm ċans li dawk li jsellfu lill-PN jistgħu jibqgħu b’xejn.
Mallia qalet li bl-iskema Cedoli "mhux biss ma jridx ikollok liċenzja biex tissellef il-miljuni, iżda m'intix responsabbli jekk ma tħallasx dan id-dejn lura u m'hemm xejn xi jżommok milli twebbel lil min se jsellfek li se tagħtih imgħax għoli. Apparti dan, ħadd ma jaf jekk tasalx biex tħallas dan l-imgħax."
Hija kkritikat l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) u tgħid illi din l-aġenzija, minkejja li titlob lill-avukati jimlew il-formoli "lill-PN tagħtu liċenzja biex jissellef kif u kemm irid mingħajr ebda responsabilita' u obligazzjoni li jissottometti formola kull sena dwar il-flus li rċieva."