Illum, il-Ministri Evarist Bartolo u Anton Refalo inawguraw il-Magic Steps Childcare Centre. Ġenituri Għawdxin li għandhom tfal sal-età ta’ tliet snin jistgħu jibbenefikaw minn childcare centre ġdid li jinsab fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija. Magic Steps Childcare Centre ħa jservi ta’ spalla għal dawk il-familji li jeħtieġu dawn is-servizzi. Permezz ta’ dan l-investiment, ħafna nisa qegħdin joħorġu jaħdmu u l-familji qed isibu appoġġ mill-Gvern filwaqt li jiffrankaw madwar €5000 għal kull wild. Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo tenna li kif intqal fid-diskors tal-budget dwar childcare b’xejn, “aħna l-uniku pajjiż fl-Ewropa li noffru dan it-tip ta' inċentiv.”
Il-Ministru Refalo fisser kif dan huwa proġett ieħor li qed joffri servizzi bil-għan li l-familji Għawdxin ikunu jistgħu jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja. Il-Ministru Evarist Bartolo qal li dan hu pass ieħor biex il-miżuri li għenu iktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol jkomplu jissaħħu. Huwa qal ukoll li huwa kruċjali li dawn l-esperjenzi jħallu benefiċċju edukattiv għat-tfal li jużawhom.
Dan iċ-ċentru huwa attrezzat biex jaqdi l-eżiġenzi meħtieġa fl-iżvilupp sħiħ tat-tfal. Il-programmi f’dan iċ-ċentru jinkludu tagħlim permezz tal-logħob, sessjonijiet tal-kant, attivitajiet, crafts u sessjonijiet rekreattivi u edukattivi.