'Toni Abela ma kienx trattat b'mod ġust'

Ta' sikwit, elementi anonimi jorganizzaw kampanja biex inaqqsu mill-valur tal-persuna nominata

L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant faħħar l-integrità politika ta’ Toni Abela, iżda qal li ma jistax jaqbel mal-iskrutinju li ngħatat in-nomina tiegħu għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Alfred Sant kien qed jirreaġixxi għar-rapport tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fuq il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Hu qal li s-smigħ quddiem il-Parlament Ewropew, ta’ dawk li jiġu nominati għal Qorti Ewropea tal-Awdituri, huwa ta’ natura konsultattiva.

Il-persuni li kellhom nomina imma rċevew vot negattiv fil-kumitat jew fil-plenarja, xorta jistgħu jintgħażlu jekk il-Kunsill tal-Ministri jiddeċiedi favur tagħhom. Sant qal li Toni Abela, li din is-sena kien nominat mill-Gvern Malti, wiegħed li jekk ma jkunx aċċettat mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew, jirtira n-nomina tiegħu, u fil-fatt hekk għamel. “Infaħħar lil Dr Abela għall-integrità politika tiegħu. Imma ma nistax infaħħar il-mod kif sar l-iskrutinju tiegħu. Ta’ sikwit jiġri, kif ġara fil-każ ta’ Dr Abela, li elementi anonimi jorganizzaw kampanja biex inaqqsu mill-valur tal-persuna nominata. Dan jagħmluh billi jallegaw aġir diżonorabbli jew kriminali. Dawk li jkollhom in-nomina jistgħu jiddefendu lilhom infushom f’laqgħat wiċċ imb wiċċ mal-membri tal-kumitat u waqt is-smigħ tagħhom.”

Alfred Sant qal li fil-każ ta’ Toni Abela, is-smigħ kien qasir, u allura, "l-allegazzjonijiet kontra tiegħu ma setgħux ikunu kjarifikati mija fil-mija. Kien jeħtieġ ukoll aktar diskussjoni fuq kwistjonijiet oħra. Toni Abela ma kienx trattat b’mod ġust. Jekk dan il-Parlament jixtieq li s-smigħ tan-nomini jsir bis-sens, għandu jikkonsidra kif qed jitwettqu. Meta jitqajmu allegazzjonijiet ta’ aġir kriminali jew diżonorabbli, dawn għandhom ikunu kkunsidrati separatament minn ġurija onorarja, bl-għajnuna ta’ kunsill legali, fuq il-bażi tal-fatti. Is-smigħ imbagħad ikun jista’ jikkonċentra fuq il-ħiliet politiċi, professjonali u personali tal-persuna nominata,” temm jgħid l-MEP Sant.

More in Politika