Għalkemm kienet mistennija, l-promozzjoni li l-PM Joseph Muscat ta' lil Chris Fearne, issa Ministru tas-Saħħa, mhux biss kienet l-inqas waħda kontroversjali, iżda kienet ukoll l-unika bidla li ntlaqgħet b'mod ġeneralment pożittiv.
Opinjonisti li tkellmu mal-ILLUM u li se jkollhom ir-reazzjonijiet tagħhom ippublikati fuq il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li ġej, filwaqt li kienu kritiċi għall-bidliet li saru, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi, kienu jew kawti jew inkella pożittivi dwar il-Ministru Chris Fearne.
Fearne kien minn ta' quddiem fil-qasam tas-Saħħa fl-aħħar xhur hekk kif kien hu li ppilota ħafna mill-bidliet li qed iseħħu bħalissa. Il-fatt li Fearne dejjem ħadem fil-qasam tas-saħħa jidher li qed jgħin ħafna kif jidher li qed jgħin ukoll il-fatt li flimkien mal-Ministru l-ġdid tal-Ambjent Josè Herrera u l-Ministru Evarist Bartolo huwa fost l-inqas membri fil-Kabinett li spiċċaw f;kontroversji. Fearne huwa wkoll fost l-inqas membri tal-Kabinett ikkritikati mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu illi fir-realta' Fearne kien diġa l-Ministru tas-Saħħa u għalhekk dak li għamel il-Prim Ministru kien il-pass naturali li jmiss.
(Araw ir-reazzjonijiet ta' diversi opinjonisti dwar l-aħħar żviluppi politiċi wara r-reshuffle li ħabbar Muscat)