'Irid jikkonvinċi lil dawk li tbiegħdu mill-Partit Laburista'

Irrikonoxxa li l-każ tal-Panama għamel ħsara lill-Partit, imma jgħid li d-deċiżjoni ta’ Muscat li jwettaq bidliet fil-Kabinett hija “xi ħaġa bla preċedent'

“Jien kont l-ewwel persuna li ċempilt lil Konrad Mizzi u proponejtu bħala Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista.”Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM il-Ministru Chris Cardona meta mistoqsi għalfejn ma tefax in-nomina tiegħu għall-istess kariga fl-elezzjoni interna tal-PL li saret fi Frar li għadda u li għaliha kkontesta biss il-Ministru Konrad Mizzi.

Dwar jekk iħossx li dakinhar Mizzi kien impost fuq il-partit mill-Mexxej Laburista, Cardona sostna li “Joseph Muscat ma jimponi fuq ħadd” u ddefenda l-għażla ta’ Mizzi bħala Deputat Mexxej, liema kariga l-istess Konrad Mizzi rreżenja minnha din il-ġimgħa.

Għalkemm Chris Cardona huwa l-unika persuna li s’issa tefa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Deputat Mexxej, l-ILLUM hija nfurmata li hemm kurrenti favur il-Ministru Edward Zammit Lewis, kif ukoll favur ir-ritorn ta’ Toni Abela fil-kariga. Jidher li minn dawn it-tlieta Abela, li ma kellux in-nomina għal-Qorti Ewropea tal-Awdituri approvata, għad għandu ċerta saħħa fost l-għeruq tal-partit. Abela kiseb ukoll is-simpatija ta’ ħafna Laburisti li ħassew li l-PN kien l-id moħbija wara n-nuqqas ta’ approvazzjoni ta’ Abela fl-Unjoni Ewropea.

Mal-ILLUM Cardona jammetti li bħalissa l-Partit Laburista għaddej minn żmien diffiċli u li “ma konniex viċin in-nies biżżejjed” għalkemm jgħid ukoll li “l-partit se jissupera dan il-mument permezz tal-viżjoni ta’ Muscat u r-riżultati eċċellenti li qed jikseb pajjiżna.”

Mistoqsi dwar il-każ Panama, Cardona rrikonoxxa li l-każ għamel ħsara lill-Partit, imma mill-ewwel żied jgħid li d-deċiżjoni ta’ Muscat li jwettaq bidliet fil-Kabinett hija “xi ħaġa bla preċedent, għax l-ebda Prim Ministru qatt m’għamilha qabel.”

Huwa jkompli jispjega li tefa’ n-nomina tiegħu għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għax jixtieq jikkonvinċi lil min hu xettiku jew lil min tbiegħed mill-Partit. “Irrid nikkonvinċi lil kull min għandu d-dubji u lil min tbiegħed minn mal-partit, li l-moviment li bena Joseph Muscat għandu potenzjal li jikber ħafna iktar. Kif għandu l-potenzjal li jikber ħafna iktar dan il-pajjiż.”

Cardona, minkejja li jfakkar fis-suċċessi ta’ dan il-Gvern, l-aktar fl-ekonomija u fil-qasam tal-impjiegi, jirrikonoxxi li l-ġid li qed jinħoloq mhux qed jasal għand kulħadd. “Irridu naraw li l-ġid li jinħoloq jasal għand  kulħadd u jien irrid li nkun pont bejn il-ġid li qed joħloq il-Gvern u dawk li dan il-ġid għadu ma bediex jasal għandhom. Irrid li l-ġid jasal għand kulħadd, mhux għand settur wieħed biss tal-poplu.”

L-ILLUM fakkret lil Cardona li r-rebħa ċerta tal-Partit Laburista m’għadhiex hemm u li llum iż-żewġ partiti jinsabu ras imb ras. Fakkret ukoll li bħalissa teżisti diżillużjoni palpabbli fost settur imdaqqas ta’ votanti Laburisti. Il-kandidat għal waħda mill-ogħla karigi fil-PL jgħid li għad fadal mill-inqas sentejn għall-elezzjoni u li hu, flimkien mal-Gvern u l-partit se jara li dawk il-Laburisti li tbiegħdu mill-PL mhux biss jersqu lura, iżda jkunu protagonisti fl-istess partit fl-elezzjoni li jmiss.

 

More in Politika