Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici sostna li Simon Busuttil huwa l-agħar mexxej tal-PN fl-istorja. Waqt il-programm Reporter fuq TVM ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru Bonnici kompla jisħaq li l-mexxej Nazzjonalista tant huwa dgħajjef, li qed iċedi għall-pressjoni min-naħat estremisti tal-partit bħall-viċi kap Beppe Fenech Adami u l-blogger Daphne Caruana Galizia. "Minflok qed jiddiskuti l-politiki, qed jheda fit-tfigħ ta' tajn," sostna Bonnici.
Waqt il-programm li kien qed jiddiskuti s-sitwazzjoni politika preżenti fid-dawl tar-reshuffle li sar il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Bonnici appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sabiex jieqaf ipenġi lil Malta f'dawl negattiv mal-media barranija u "jaħdem għall-interess nazzjonali."
Bonnici kompla jsostni li l-ewwel kummenti ta' Busuttil wara r-reshuffle tal-ġimgħa l-oħra ma kinux lill-ġurnalisti Maltin imma lil stazzjon tat-TV Taljan, "fejn qal li Malta kienet qiegħda f'sitwazzjoni diffiċli. Ħaġa li mhux vera. Kif jista' jkun inkunu f'sitwazzjoni diffiċli u l-pajjiż sejjer daqshekk tajjeb?"
F'diskussjoni mal-MEP Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt Reporter, Owen Bonnici qal li jinsab kunfidenti li l-poplu se jerġa' jeleġġi lill-Partit Laburista għaliex, "il-poplu naturalment jimxi wara l-partit li joħloq ix-xogħol u l-ġid."