Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona u ċ-chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi huma apparentament il-kontestanti ewlenin għall-elezzjoni sabiex jimtela' l-post vakanti għal deputat mexxej tal-Partit Laburista, għall-Affarijiet tal-Partit, wara r-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi minn din il-kariga.
Il-gazzetta MaltaToday irrappurtat kif Chris Cardona diġà informa lill-Prim Ministru li hu mistenni joħroġ għall-din l-elezzjoni u li se jkun qed jagħmel kampanja professjonali sabiex ikun jista' jirbaħ l-elezzjoni għall-kariga.
Zrinzo Azzopardi, li kien president tal-Partit Laburista għall-ħames snin qabel l-elezzjoni tal-2013, mistenni jkun qed jistrieħ fuq id-delegati li kienu jappoġġjaw lill-eksdeputat mexxej Michael Falzon.
Il-kandidati l-oħra li qed jissemmew fir-rigward ta' din il-kariga, li iżda għadhom ma ddeċidewx jekk hux se jkunu kandidati f'din l-istess elezzjoni, huma Toni Abela, li kien jokkupa l-istess kariga sa ftit xhur ilu, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, li qal li għadu indeċiż, u l-ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
Toni Abela ssemma wkoll bħala għażla possibbli għall-post vakanti li mistenni jħalli Leo Brincat fil-Parlament ġaladarba jingħażel fil-Qorti tal-Awdituri, jekk issir co-option.
L-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista ddeċieda li tissejjaħ Konferenza Ġenerali Staordinarja bejn il-Hamis 9 ta' Ġunju u s-Sibt 11 ta' Ġunju li fiha jiġi elett Deputat Mexxej Ġdid għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
In-nomini għall-kariga ta' Deputat Mexxej jinfetħu nhar it-Tnejn 9 ta' Mejju, u jagħlqu t-Tlieta 10 ta' Mejju.
L-elezzjoni ssir bejn il-Ħamis 9 ta' Ġunju u l-Ġimgħa 10 ta' Ġunju, u f'każ ta' ħtieġa s-Sibt 11 ta' Ġunju.