Joseph Muscat jasal il-Libja għal diskussjonijiet mal-kap Serraj

Il-Prim Ministru Malti huwa l-ewwel Prim Ministru barrani li qed iżur lil Serraj fil-Libja

Fayez Serraj (xellug) u l-Prim Ministru Joseph Muscat (fin-nofs)
Fayez Serraj (xellug) u l-Prim Ministru Joseph Muscat (fin-nofs)

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wasal il-Libja iktar kmieni sabiex jattendi għal diskussjonijiet mal-Kap tal-Gvern Libjan, Fayez Mustafa al-Serraj. B'hekk, Muscat huwa l-ewwel Prim Ministru barrani li qed iżur lil Serraj fil-Libja.

Qed jakkumpanjaw lil Muscat delegazzjoni żgħira li fost l-oħrajn tinkludi lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella u diversi uffiċjali tal-Gvern.

Din hija l-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja sa minn meta l-Gvern preżenti fil-Libja, li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti, ħa l-poter fil-Libja.

Ilbieraħ, il-ministru George Vella kellu laqgħa mal-ambaxxatur Amerikan għal-Libja, Peter Bodde dwar l-iktar żviluppi riċenti fil-Libja. Malta qalet li se tkun qed tappoġġja lil dan il-Gvern Libjan il-ġdid, waqt li l-Ministru Vella sostna li l-komunità internazzjonali ma tistax ma tappoġġjax din l-għażla vijabbli għall-istabbiltà tal-pajjiż.

More in Politika